Il-ħaddiema tas-saħħa b’appell biex il-miżuri l-ġodda jiġu posposti b’ġimagħtejn

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-ħaddiema tas-saħħa qegħdin iwissu li Malta tista’ tispiċċa bl-agħar statistika ta’ każijiet tal-coronavirus fil-Mediterran, issa li llum tħabbru 15-il każ ġdid, l-istess bħall-bieraħ, u għalhekk, ikun aħjar jekk il-miżuri l-ġodda jiġu posposti b’ġimagħtejn.

Fi stqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni Medika f’Malta (MAM) u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) li tirrappreżenta lill-ħaddiema tas-saħħa, huma qalu li b’dawn in-numri, jidher li t-tieni mewġa tal-coronavirus qiegħda magħna.

Fakkru li 15-il każ f’Malta huwa ekwivalenti għal 2,000 każ fl-Italja, meta fil-fatt f’jum, il-medja kienet ta’ madwar 600 każ.

Sabiex Malta ma tispiċċax f’din is-sitwazzjoni drastika, il-ħaddiema tas-saħħa qegħdin jappellaw biex l-isforzi jiżdiedu minn kulħadd sabiex tiġi promossa iżjed dixxiplina, aktar tagħrif u aktar ubbidjenza għar-regoli tat-tbegħid soċjali u tal-miżuri iġjeniċi meħtieġa.

Huma appellaw lill-Gvern biex jipposponi l-miżuri li jidħlu fis-seħħ għada, jiġifieri dawk li jippermettu li jinfetħu mill-ġdid ir-ristoranti, il-barbiera u l-parrukkiera, il-beauticians u tad-dwiefer, fost l-oħrajn, b’ġimagħtejn. Dan sabiex Malta ma tibqax tirreġistra dan l-ammont ta’ każijiet kuljum jew agħar.

Il-patologi wkoll semmgħu leħinhom fuq din il-kwistjoni llum, u qalu li jemmnu li t-tieni mewġa tal-coronavirus waslet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn