Il-ħaddiema tal-Università mistennija jaħdmu b’roster

Il-ħaddiema amministrattivi u tekniċi fl-Università huma mistennija jmorru għax-xogħol xorta waħda, minkejja li l-Università bħalissa hija magħluqa għall-istudenti minħabba t-tifrix tal-coronavirus.

Ilbieraħ, waqt konferenza stampa, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li mil-lum, l-istituzzjonijiet edukattivi kollha għandhom jingħalqu, inkluż l-Università. Madankollu, l-ħaddiema ma ngħataw l-ebda struzzjonijiet, u llum marru għax-xogħol bħas-soltu. Huma bdew petizzjoni dalgħodu sabiex jingħataw xi struzzjonijiet u ma jiġux trattati bħala ħaddiema “tat-tieni klassi.”

Il-petizzjoni għandha l-għan li tinkoraġġixxi lil dawk responsabbli biex jieħdu azzjoni, u ma jinsewx lill-ħaddiema amministrattivi u tekniċi. Il-petizzjoni laħqet kważi l-500 firma.

Dalgħodu kien hemm laqgħa wkoll bejn il-Gvern u l-unjins fuq din il-kwistjoni. L-Università mbagħad bagħtet email lill-ħaddiema tagħha tinfurmahom li xogħolhom għadu bżonjuż, u se tinħarġilhom roster biex jidħlu għax-xogħol inqas minnhom.

Ħaddiema fl-Università li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li dan hu trattament inġust, speċjalment peress li ħafna minnhom jistgħu jwettqu xogħolhom mid-dar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn