Il-ħaddiema tal-kuntratturi fil-Wasteserv b’kuntratti indefiniti

Il-ħaddiema tal-kuntratturi fi ħdan il-Wasteserv se jingħataw kuntratti tax-xogħol indefiniti.
Fi stqarrija l-General Workers’ Union (GWU) qalet li dan kien possibbli bil-pressjoni li hi stess għamlet fuq il-Gvern billi kitbitlu f’Marzu. Wara ftehim bejn il-partijiet konċernati, il-kumpanija laqgħet it-talba.
Il-GWU enfasizzat li kienet hi biss li għamlet din it-talba.
Temmet tgħid li din il-kisba hija turija tal-unjin li tħabrek sabiex jinqata’ x-xogħol prekarju mill-pajjiż, kif ukoll sabiex il-ħaddiema tal-kuntratturi, li joffru bosta servizzi fil-kumpaniji, jibdew igawdu minn kuntratti tax-xogħol aktar stabbli u b’hekk ħajja aktar diċenti għall-familji tagħhom.