“Il-ħaddiema tal-kunsill ta’ San Pawl il-Baħar tħallsu kollha” – Kunsilliera PN

Il-Kunsilliera Nazzjonalisti ta’ San Pawl il-Baħar wieġbu lil dawk Laburisti u indipendenti u saħqu li mhux minnu li l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali mhux se jkunu qed jieħdu l-paga tagħhom.
Fi stqarrija, il-kunsilliera Graziella Galea, Anne Fenech, Antionette Bezzina, Daniel Grima u Dounia Borg saħqu li l-ħaddiema tħallsu kollha kemm huma għal xogħolhom.
L-istqarrija tgħid li l-Gvern, fuq parir legali mill-Avukat Ġenerali, irrifjuta li jagħmel tajjeb għall-pagi u l-eks Sindku, li hi membru tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ħadmet biex l-istess Assoċjazzjoni tagħmel tajjeb għal dan il-piż.
Meta l-Kunsill jerġa’ jibda jiffuzjona, l-ammont li nħareġ għandu jerġa’ jkun rifuż lill-Assoċazzjoni.
Dan minkejja li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kunsillieri Laburisti u dawk indipendenti qalu li minħabba l-aġir tal-eks Sindku Graziella Galea, il-ħaddiema jistgħu ma jitħallsux.
B’risposta, il-Kunsillieri Nazzjonalisti saħqu li huma kienu minn ta’ quddiem biex jisħqu li l-ħaddiema tal-Kunsill ma kellhomx jiġu affettwati mit-taqlib li għaddej minnu l-Kunsill bħalissa.