Il-ħaddiema tal-ambulanzi fil-Belġju mhux ilaħħqu mal-pazjenti bil-Covid-19

Il-ħaddiema tal-ambulanzi fil-Belġju qed jgħidu li jinsabu f’riskju li ma jlaħħqux mal-ammont ta’ pazjenti morda bil-COVID-19, u mhux qed ikollhom riżorsi biex jirrispondu għal każijiet oħra.

Kumpanija tal-ambulanzi, NAAB Ambulance Services, ħabbret li llum il-ġurnata 70% tas-sejħiet li jirċievu huma relatati ma’ każijiet ta’ COVID, ammont li fil-bidu ta’ Ottubru kien 10%.

Jessy Friant, membru mit-tim ta’ paramediċi qalet li kuljum qed jittrasportaw bejn 30 u 40 pazjenti bil-COVID-19, jiġifieri żieda ta’ 70% fl-attività tagħna.

F’dikjarazzjoni, is-CEO tal-kumpanija, Arnaud Franchini, talab li jitwaqqfu miżuri aktar stretti madwar il-pajjiż sabiex titnaqqas il-firxa tal-virus.

“Mingħajr miżuri ħafna aktar stretti minn dawn li għandna fis-seħħ bħalissa, se nibqgħu deħlin dritt għal ġo ħajt,” qal Franchini.

Il-Belġju bħalissa għaddej mit-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet, wara l-ewwel mewġa li waslet biex il-pajjiż ikollu waħda mill-ogħla rati ta’ mwiet per capita. 

F’sitwazzjoni fejn il-pajjiż qed jaffaċċja nuqqas ta’ persunal mediku, l-istitut Sciensano li huwa l-korp ewlieni għas-saħħa pubblika, iddikjara fuq is-sit elettroniku tiegħu li jista’ jkun li ċerti ħaddiema fis-settur tas-saħħa kien se jkollhom jibqgħu jaħdmu anke jekk jirriżultaw pożittivi għall-virus, u kienu se jaħdmu biss ma’ persuni li huma diġà infettati.

“Meta tara dan, wieħed jassumi li kulħadd għandu jifhem li ninsabu f’sitwazzjoni tassew kritika,” qal il-kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa Antoine Iseux matul konferenza nhar l-Erbgħa.

“Madankollu, għad hawn min qed jiddubita l-gravità tas-sitwazzjoni, jew oħrajn li mhumiex qed jirrispettaw il-miżuri tas-saħħa, persuni li jagħtu prijorità lill-individwalità tagħhom aktar mis-saħħa pubblika. Għandna messaġġ għal dawn il-persuni: l-egoiżmu jaħdem id f’id mal-virus,” temm jgħid.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Sophie Wilmes, li l-ġimgħa l-oħra ddaħlet fil-kura intensiva minħabba l-COVID-19, qalet fuq Twitter li issa kienet ħarġet mill-ICU u li kienet qed tirkupra f’parti differenti fl-isptar.

Il-kabinett federali ser jiltaqa’ nhar il-Ġimgħa biex ikompli jissikka l-miżuri biex titwaqqaf il-firxa tal-pandemija, wara li ġimgħa ilu ġiet ipprojbita l-attendenza ta’ persuni matul attivitajiet sportivi u li ġie llimitat l-għadd ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu fi spazji kulturali.