“Grazzi lill-ħaddiema tal-ajru f’periklu biex iġibu lill-Maltin lura” – ALPA

Malta International Airport plc

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti f’Malta (ALPA) irringrazzjat lill-piloti u l-ħaddiema l-oħra tal-ajru li qegħdin jaħdmu f’periklu sabiex iġibu lill-Maltin li jinsabu barra lura Malta, lill-barranin joħduhom lura ma’ familthom, u biex iġibu apparat mediku essenzjali għall-isptarijiet Maltin.

Fi stqarrija, l-ALPA qalet li qiegħda tagħti l-koperazzjoni kollha tagħha lil-linja tal-ajru Air Malta biex tgħin f’titjiriet lejn destinazzjonijiet ta’ riskju għoli.

Qalet li filwaqt li l-membri tagħha jirrikonoxxu r-riskju għoli f’dawn iċ-ċirkostanzi, xorta waħda qegħdin jaħdmu sabiex jgħinu kif jistgħu.

L-Assoċjazzjoni rringrazzjat ukoll lill-unjins u lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa talli qegħdin jagħmlu d-dover tagħhom li wkoll, ipoġġihom f’periklu.

Dalgħodu stess, l-Air Malta se torganizza titjira ta’ ripatrijazzjoni minn u lejn Ruma. L-Air Malta qalet fi stqarrija li se ġġorr il-passiġġieri minn Ruma kif ukoll materjal mediku kritiku.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn