Il-ħaddiema tal-aġenti tal-propjetà għandhom bżonn l-għajnuna tal-Gvern – Delia

Mal-2,300 persuna li huma impjegati b’mod dirett mal-aġenti tal-propjetà u mal-2,000 persuna li huma self-employed mal-aġenti u jaħdmu b’commission għandhom bżonn l-għajnuna tal-Gvern.

Dan ħareġ fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, kellu laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-propjetà. Ir-rappreżentanti tal-aġenti tal-propjetà qalu s-settur tagħhom waqaf għal kollox u dan ifisser li l-ħaddiema self-employed fuq commission spiċċaw bla dħul finanzjarju. Qalu li dan qed joħolqu piż kbir fuq il-familji tagħhom. Insistew li l-Gvern jeħtieġ jgħin lill-impjegati b’mod immedjat, kif għamel ma’ setturi oħra tal-ekonomija. “Is-self employed ma jistgħux jitħallew għal riħhom.” L-Assoċjazzjoni spjegat kif dawn il-ħaddiema self-employed il-ħobża ta’ kuljum tagħhom hi l-commissions mill-bejgħ tal-propjetà.

Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista ma jaċċettax li l-Gvern ikun selettiv u jagħżel lil min jgħin u lil min iħalli barra. Qal li l-Gvern għandu jgħin lill-ħaddiema u s-self-employed, kemm jekk iħaddmu magħhom impjegati kif ukoll jekk huma self-employed bla impjegati. Delia saħaq li dawn il-ħaddiema fuq commission għandhom bżonn appoġġ minnufih mill-Gvern. Dawn il-persuni għandhom familji li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli. Mhux ġust li jitħallew waħedhom, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Viċi Kapijiet tal-PN David Agius u Robert Arrigo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, is-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn