Il-ħaddiema taċ-ċivil isibu diffikultajiet biex jingħataw it-telework – UĦM

pexels

Read in English.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li bosta ħaddiema fis-settur pubbliku għandhom id-dritt li jibbenefikaw minn telework u miżuri favur il-familja madankollu ħafna drabi qed isibu diffikultajiet biex isir dan l-arranġament minn dawk li jmexxu s-settur.

Il-UĦM qalet li ħafna mill-ħaddiema taċ-ċivil li huma membri tagħha qed jinsistu biex jingħataw t-telework fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19. Il-Prinċipal tas-Segretarjat Permanenti madankollu qed jinsisti li t-telework qatt ma tneħħa jew twaqqaf.

Il-Gvern jinsisti li t-telework m’għandux jitwaqqaf jekk mhux għal raġuni valida

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Prinċipal tas-Segretarjat Permanenti wara li ħaddiem vulnerabbli tkellem ma’ Newsbook.com.mt li ma ngħatax t-telework. Il-PPS ma indirizzawx il-mistoqsijiet speċifiċi li saru.

Min-naħa tiegħu l-Gvern qal li t-talbiet għat-telework ma jistgħux jiġu miċħuda jekk ma jkunx hemm raġuni valida. Żied li l-ħaddiema taċ-ċivil jistgħu jagħmlu l-ilmenti tagħhom u jekk jirriżulta li għandhom raġun jistgħu jiġu kkumpensati.

It-telework ingħata waqt l-ewwel mewġa tal-COVID-19 iżda mhux fit-tieni

Il-UĦM ikkonfermat li l-ħaddiema taċ-ċivil dejjem kellhom l-għażla li japplikaw għat-telework permezz tal-kodiċi li tittratta l-immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku. Il-kodiċi tgħid li kull min jgħaddi l-perjodu ta’ prova b’suċċess u x-xogħol tiegħu jippermetti li jkollu t-telework dan jista’ japplika biex isiru l-arranġamenti. Dan il-ftehim ikun validu għal sena u jiġġedded skont il-bżonn. Il-kodiċi tgħid ukoll li t-telework ma jistax ikun imponut minn min qiegħed iħaddem u lanqas li l-ħaddiem iqisu bħala dritt.

Il-UĦM qalet li wara li f’Ġunju li għadda t-telework ġie revokat għall-ħaddiema taċ-ċivil dan ma reġax ġie introdott fil-bidu tat-tieni mewġa.

Persuni vulnerabbli qatt m’għandhom ikunu miċħuda t-telework

Il-UĦM qalet li persuni vulnerabbli għall-COVID-19 għandhomx ikunu miċħuda li jaħdmu bit-telework sabiex ma tkunx qed titpoġġa s-saħħa tagħhom fil-periklu.

F’Ġunju li għadda l-UĦM kienet ħarġet direttivi li persuni li huma vulnerabbli jbqgħu jaħdmu mid-dar u din id-direttiva għadha fis-seħħ.