Il-ħaddiema ta’ Steward se jkollhom l-istess drittijiet bħall-ħaddiema l-oħra

Steward Health Care

Il-ħaddiema ta’ Steward Health Care se jibdew igawdu mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-impjegati tas-settur pubbliku, bis-saħħa ta’ ftehim li ntlaħaq mal-UĦM – Voice of the Workers.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, iddeskriva dan l-iżvilupp bħala rebħa, mhux biss għall-unjin u għall-ħaddiema, iżda wkoll għal dawk kollha li jemmnu fil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs. “Dan il-ftehim ifisser rebħa kontra l-prekarjat li fl-aħħar snin kien wassal biex ħaddiema ta’ Steward kienu qed jitħallsu eluf inqas fis-sena mill-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-Ministeru tas-Saħħa minkejja li kienu jagħmlu l-istess xogħol,” hu sostna.

Il-kwistjoni tmur lura għall-2016 meta l-Gvern kien ipprivatizza tliet sptarijiet pubbliċi: l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech – li kienu għaddew għand Vitals Global Healthcare (VGH) għal 30 sena. Fl-2017 VGH għaddiet il-konċessjoni lil Steward.

Il-UĦM spjegat li l-ħaddiema ta’ Steward kellhom kundizzjonijiet inferjuri għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fi sptarijiet oħra. Minn analiżi li kienet saret mill-UĦM, irriżulta li fuq medda ta’ erba’ snin, ċerti ħaddiema qalgħu sa €6,800 inqas mill-kollegi tagħhom tal-Gvern, minkejja li kienu qed jagħmlu l-istess xogħol. Dan apparti kundizzjonijiet oħra inferjuri dwar vacation leave, allowances u family-friendly measures. Il-UĦM qalet li appelli lill-Gvern waqgħu fuq widnejn torox, u hi ma kellha l-ebda għażla ħlief li tieħu azzjonijiet industrijali.

B’ ton sodisfaċenti, l-unjin qalet li l-insistenza u l-pressjoni tagħha ħallew il-frott u l-Gvern issa aċċetta li jassorbi l-ħaddiema ta’ Steward Health Care u dawk li kienu ġew impjegati minn VGH ukoll. Dawn il-ħaddiema se jiġu trasferiti fuq il-kotba tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi bl-istess kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li jgawdu minnu impjegati fis-servizz pubbliku.

Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li s-snin ta’ servizz li dawn il-ħaddiema għamlu mal-kumpanija jkunu trasferiti fl-iskala rispettiva tagħhom daqslikieku kienu ilhom impjegati tal-Gvern mill-bidu nett. Minbarra din il-kwistjoni, il-UĦM Voice of the Workers kienet esprimiet tħassib u appellat lill-Gvern biex iħassar il-kuntratt ma’ Steward, fl-isfond tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li kienet saret mill-Awditur Ġenerali.

Ir-reazzjoni tal-FPPN

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) laqa’ din l-aħbar b’sodisfazzjon.

Radd ħajr lill-UĦM Voice of the Workers u fakkar li l-Partit Nazzjonalista, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) u l-FPPN kienu insistenti sa mill-bidu nett li l-ħaddiema ta’ Steward Health Care ħaqqhom ikunu pari mal-kollegi tagħhom fis-settur pubbliku.