Il-ħaddiema ta’ 3 sptarijiet se jibqgħu bil-kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv – il-Gvern

Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-isptarijiet t’Għawdex, San Luqa u Karin Grech se jibqgħu rispettati skont il-ftehim kollettiv.
Il-ħaddiema se jibqgħu fuq il-kotba tal-Gvern u se jkollhom opportunitajiet ta’ taħriġ u progress fil-karrieri tagħhom.
Hekk qal il-Gvern fi stqarrija wara laqgħa bejn il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, u s-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin, Josef Vella dwar l-investiment li se jkun qed isir fil-qasam tas-saħħa.
Il-Gvern qal li l-investiment fit-tliet sptarijiet se jwassal għal faċilitajiet aħjar u servizzi aqwa għall-pazjenti u iktar sodod.
Qal ukoll li matul il-laqgħa, intlaħaq qbil li jsiru żewġ laqgħat għall-membri tal-unjin. L-ewwel laqgħa se ssir fl-isptar Karin Grech nhar it-Tnejn u mbagħad l-għada, it-Tlieta, għall-membri tal-UĦM f’Għawdex.