Il-ħaddiema soċjali mħassbin dwar kif tinħareġ informazzjoni dwar minorenni

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali (MASW) tinsab imħassba dwar kif informazzjoni dwar minorenni nħarġet fil-midja soċjali mill-awtoritajiet. Dan wara każ żvelat minn Inews.
Filwaqt li faħħret xogħol il-pulizija, u qalet li tifhem is-sitwazzjonijiet kultant antipatki li jsibu ruħhom fihom, l-assoċjazzjoni enfasizzat li dan mhux il-mod kif kellhom isiru l-affarijiet.
Il-każ jittratta tifla ta’ 14-il sena, li tefgħet ritratt ta’ uffiċjali f’għassa u qalet li mhuma jagħmlu xejn biex jgħinuha, filwaqt li nfexxet fi kliem dispreġġjattiv.
Wara r-rapport, din it-tfajla reġgħet tefgħet post oħra ta’ kliem oxxen. Kien hawnhekk li, skont ir-rapport ta’ iNews, l-Ispettur  u President tal-Unjin tal-Uffiċjali tal-Pulizija, Sandro Camilleri, kkummenta fuq Facebook li din it-tfajla ħaqqha tittellgħa l-Qorti.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali aċċennat għal relazzjonijiet li jħallu aktar frott bejn l-awtorijtajiet konċernati f’każijiet bħal dawn.
Huma talbu sabiex il-Pulizija jkollha taqsima speċjalizzata biex jittrattaw każijiet simili b’mod aktar effettiv.
Temmet tgħid li s-sistema nazzjonali tal-ġustizzja mal-minorenni teħtieġ bidla mill-qiegħ. Qalet li s-servizz mogħti lil dawn il-persuni għandu jkun wieħed olistiku.