Il-ħaddiema soċjali għadhom fuq strajk; Imħassba minħabba l-klijenti

Il-ħaddiema soċjali li jaħdmu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għadhom fuq strajk li issa daħal fit-tielet ġimgħa tiegħu.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali saħqet li l-ħaddiema soċjali huma imħassba għal fatt li dan l-istrajk qed jaffettwa ħażin lil dawk li jagħmlu użu mis-servizz tagħhom.
Kien għalhekk li ħeġġew lill-Gvern biex malajr kemm jista’ jkun jintlaħaq qbil bejn il-Fondazzjoni, il-unjin u l-Gvern.
L-Assoċjazzjoni huma favur pakkett li:

  • Jirrikonoxxi l-irwol importanti li l-ħaddiema soċjali jaqdu fis-soċjetà
  • Kundizzjonijiet tax-xogħol li jippromovu ħajja bilanċjata għall-ħaddiema soċjali kollha
  • Aktar promozzjoni u rispett lejn il-professjoni tal-ħaddiema soċjali.

L-Assoċjazzjoni saħqet li kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar jinkoraġġixxu aktar żgħażagħ jidħlu għal din il-professjoni u anke biex il-ħaddiema soċjali jagħżlu li jibqgħu joffru s-servizz tagħhom aktar fit-tul.
Sorsi li kienu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kienu qalu li l-ftehim kollettiv skada u li l-laqgħat baqgħu jiġu posposti ta’ spiss.
Saħqu li l-elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju ntużat ukoll bħala skuża biex ma jsirux aktar diskussjonijiet.
Dan kien ġie miċħud mill-Fondazzjoni għas-Servizz Soċjali fejn saħqet li resqet il-kontroproposti tagħha quddiem il-Ministeru  tal-Finanzi wara laqgħat li saru bejnha, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-UĦM.