“Il-ħaddiema mhumiex numru” – Adrian Delia

Il-kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-ħaddiema mhumiex numru li tużah kif jaqbillek biex tirranġa l-qagħda finanzjarja.
Dr Delia kien qed jitkellem f’waħda mill-attivitajiet tal-elezzjoni għal kap tal-PN, meta qal li l-mod ġdid kif imexxi lill-partit jekk jitla’, mhux se jkun bħal dak tal-Gvern li, skontu, iwiegħed l-ilma jiżfen lill-ħaddiema qabel l-elezzjoni biex imbagħad iħallihom jaffaċċjaw il-konsegwenzi waħedhom.
Sostna li hu għalhekk li l-politika tiegħu tkun waħda li tibda mill-kumitati sezzjonali u titla’ ’l fuq.
Tkellem ukoll dwar il-qagħda finanzjarja tal-partit, u saħaq li l-pjan mibdi minn Anne Fenech u Alex Perici Calascione għandu jitkompla.
Qal li se jħabrek biex b’għaqal u trasparenza jġib il-finanzi fis-sod, u temm jgħid li t-trasparenza hi kwalità li terġa’ tiġbed in-nies lejn il-PN.