Il-ħaddiema konfużi dwar x’għandhom jagħmlu dwar il-coronavirus – il-UĦM lill-PM

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM – Voice of the Workers) qalet li hemm ħaddiema li huma konfużi dwar x’għandhom jagħmlu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-UĦM qed titlob laqgħa mal-PM Robert Abela biex tispjega dak li qed jaffaċċjaw il-membri tagħhha u ċittadini oħra b’rabta mas-sitwazzjoni tal-coronavirus.

“Huma diversi dawk il-ħaddiema li jinsabu konfużi fuq x’direzzjoni għandhom jieħdu meta, minn banda l-messaġġ mill-Awtorità tas-Saħħa hu biex jżommu ruħhom siguri, u mill-banda l-oħra l-miżuri li kienu ttieħdu ġew rilaxxati kollha,” qalet il-UĦM.

L-unjin qalet li hemm postijiet tax-xogħol imħassba dwar x’miżuri għandhom iżommu.

Spjegat li l-ħaddiema tas-saħħa u l-uffiċjali fil-fruntieri huma taħt stress kontinwu minħabba l-preżenza tal-COVID-19.

“Dan għax m’hemm ebda tama li dawn is-sagrifiċċji li għamlu fl-aħħar xhur mhux se jispiċċaw inutli għax is-sitwazzjoni tal-COVID qed taħrabilna minn idejna,” saħqet l-unjin.

Il-UĦM qalet li wieħed għandu jevita milli jkompli jtella’ n-numru ta’ każi attivi.