Tħabbret miżura li biha dawk kollha li ħadmu fl-aħħar sena se jkunu qed jirċievu ċekk id-dar skont id-dħul tagħhom. Il-miżura hi mmirata għal dawk in-nies li għandhom dħul inqas minn €60,000 fis-sena u se tiswa l-Gvern €11.4 miljun. Il-miżura tħabbret mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tal-Finanzi.
Scicluna għalkemm iddeskriva l-miżura bħala “tax refund” qal li dan huwa biss isem hekk kif il-liġi Maltija ma tħallix il-Kummissarju tat-taxxi jagħti refund. Huwa saħaq li fil-wegħda li saret, dawk li għandhom l-ogħla dħul se jieħdu massimu ta’ €200 filwaqt dawk li jaqilgħu l-inqas se jieħu sa massimu €340, fuq perjodu ta’ snin. Scicluna spjega li fil-jiem li ġejjin il-ħaddiema kollha ibbażat fuq id-dħul tagħhom se jieħdu ċekk bejn €40 (għal min jaqla’ l-iktar) sa’ €68 (għal min jaqla’ l-inqas).
Iċ-ċekkijiet se jintbgħatu minn għada u għandhom ikunu għand in-nies sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla. Scicluna sostna li jekk xi ħadd iħoss li kellu jieħu ċ-ċekk u ma wasalux għandu jagħmel kuntatt mal-Ministeru fix-xahar ta’ Settembru u Ottubru.
Iċ-ċekk se jingħata lil kull min jaħdem f’Malta. Il-Ministru ddeskriva din il-miżura bħala “innovattiva”.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din kienet wegħda ta’ qabel l-elezzjoni fejn is-suċċess ta’ Malta qed jiġi mqassam.
As promised prior to re-election, all #workers and those earning less than €60,000 will be receiving a first #tax refund. 200,000 people will be benefiting from a €11.4 million direct input to continue sharing in #Malta success. This is #Prosperity with a #Purpose -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) August 29, 2018