“Il-ħaddiema għandhom jaħdmu mid-dar” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tinkoraġġixxi lill-imgħallmin u lill-kumpaniji biex, fejn jista’ jkun, il-ħaddiema jaħdmu mid-dar minħabba r-rata allarmanti ta’ każijiet tal-Covid-19.

Fi starrija maħruġa llejla, il-Kamra tal-Kummerċ appellat għal responsabbiltà min-naħa ta’ min iħaddem f’dawn il-jiem diffiċli.

Innutat kif kien hemm għadd ta’ persuni li fiequ, madankollu, il-virus xorta qed jinxtered b’rata għolja, tant li llum ħasad il-ħajja ta’ persuna ta’ 46 sena, l-iżgħar vittma tal-Covid-19 s’issa.

Skont il-Kamra, fil-każ tal-immaniġġjar tal-iskejjel, l-istudenti taw eżempju lil kulħadd peress li l-virus qed jiġi kkontrollat billi kulħadd jimxi mal-miżuri u l-protokolli stretti.

Sabiex ma jkunx hemm restrizzjonijiet ekonomiċi, il-Kamra tal-Kummerċ temmen li min iħaddem għandu jikkunsidra li l-ħaddiema kollha jaħdmu mid-dar, sa fejn jistgħu. Dan jgħodd partikolarment għas-settur pubbliku, qalet il-Kamra.

Dan l-appell għamlitu wkoll is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci fil-konferenza tagħha tal-lum, fejn tat l-aħħar aġġornamenti fuq il-Covid-19.