Il-ħaddiema għandhom jaħdmu 3 darbiet fil-ġimgħa – Pro-Rettur tal-Università

Il-bejgħ ta' xi prodotti naqas b'90% - Prof. Baldacchino

Read in English.

Il-ħaddiema kollha għandhom jaħdmu tliet darbiet fil-ġimgħa minħabba l-imxija tal-coronavirus, skont il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Godfrey Baldacchino.

Baldacchino qal dan fuq Facebook fejn elenka għadd ta’ proposti biex tiġi salvagwardjata l-ekonomija Maltija. Spjega li t-turiżmu qed jikkollassa u li l-bejgħ ta’ ċertu prodotti naqas b’90%. Qal li din is-sitwazzjoni għandha tippersisti sa mill-inqas tliet xhur oħra.

“Il-periklu bħalissa huwa li n-negozji jkeċċu ħafna nies u li dan iwassal għal qagħad kbir. Minħabba f’hekk il-ħaddiema barranin li kienu qed jgħinu biex imexxu l-ekonomija ma jkollhom l-ebda għażla ħlief li jitilqu,” qal Prof. Baldacchino.

Il-professur qal li min iħaddem għandu jżomm l-impjegati tiegħu imma li dawn is-sidien għandhom bżonn għajnuna mill-Gvern.

Baldacchino elenka għadd ta’ proposti li fi kliemu jistgħu jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ April għal perjodu ta’ tliet xhur b’possibilità ta’ estenzjoni.

  1. Ħadd ma jitkeċċa
  2. Tnaqqis ta’ 20% tal-pagi u s-salarji kollha għal min jaqla’ aktar minn €20,000 fis-sena (ħlief għal min qed joffri servizz essenzjali)
  3. Il-ħaddiema kollha jkollhom 3-day week
  4. Il-Gvern jagħti rifużjoni ta’ 10% tal-pagi u s-salarji tal-ħaddiema fil-privat li jaħdmu inqas sigħat
  5. Ħaddiema li għandhom 59 sena jew aktar jingħataw pakkett ta’ irtirar kmieni

Baldacchino qal li b’dan il-mod il-pajjiż ikun jista’ jgħeleb din il-kriżi meta jkun il-mument.

We need to bite the bullet. I am not a politician, but as an academic I have a moral obligation to help shape policy…

Posted by Godfrey Baldacchino on Saturday, March 21, 2020

Wara li l-Gvern Malti ħabbar pakkett ta’ għajnuna li jiswa mal-€1.81 biljun ġie kkritikat li dan mhux biżżejjed. Għadd ta’ entitajiet qalu li l-ammont li fil-verità kien se jgħin direttament fil-pagi tal-ħaddiema ma kienx biżżejjed.

Il-miżuri li ħabbar il-Gvern għan-negozji minħabba l-coronavirus mhux se jsalvaw l-impjiegi, skont il-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-Għalliema tal-Lingwa Ingliża (FELTOM).

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li filwaqt li l-Gvern iddikkjara li l-miżuri huma intenzjonati biex jipproteġu l-impjiegi u ma jkunx hemm nuqqas fil-pagi, il-Kamra qalet li l-impjegati huma dawk li l-aktar se jagħmlu telf mill-pakkett ta’ sapport imħabbar mill-Gvern. Qalet li tista’ tagħmel din id-dikjarazzjoni għax hi f’kuntatt mal-bżonnijiet u l-uġigħ li qed iħossu n-negozji f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn