Aġġornata: Il-ħaddiema fis-Settur Pubbliku b’kuntratti indefiniti wkoll

Il-Gvern ħabbar li l-kuntratti definiti għall-ħaddiema fis-settur pubbliku għandhom jinbidlu f’kuntratti indefiniti wkoll. 
Illum, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ħareġ direttiva li testendi dak li sar fis-Servizz Pubbliku.
Fisser li b’hekk inbidlet is-sistema sħiħa ta’ reklutaġġ fis-Settur Pubbliku, biex dawk li jfittxu karriera fis-settur pubbliku ma jiġux żvantaġġjati.
Permezz ta’ din id-direttiva se jkun biss il-perjodu ta’ probation marbut mal-pożizzjoni partikolari, li jiddetermina jekk l-impjegat jiġix ikkonfermat fil-pożizzjoni.
Pożizzjonijiet li jġorru raġuni oġġettiva se jibqgħu jkunu okkupati fuq bażi definita.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni jgħid ukoll li fi żmien għaxart ijiem mil-lum, l-entitajiet fis-Settur Pubbliku għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu konformi ma’ dak li tistipula l-istess direttiva.
“Din il-bidla se tiggaranitixxi kwalità ta’ servizz” – GWU
Fi stqarrija, il-GWU qalet li l-Gvern laqa’ t-talba tagħha u estenda fis-settur pubbliku, il-bidla li seħħet fis-servizz pubbliku, biex il-ħaddiema jingħataw kuntratti indefiniti.
Qalet li hi għamlet din it-talba għax ħasset li l-bidla fil-proċedura hija waħda pożittiva minħabba li se tagħti aktar stabbiltà u serħan il-moħħ lill-ħaddiema involuti.
Żiedet tgħid li l-Gvern se jiggarantixxi biex kemm is-servizz pubbliku kif ukoll is-settur pubbliku  jirnexxielhom iżommu magħhom ħaddiema li kisbu l-esperjenza meħtieġa u b’hekk jiggarantixxu kwalità ta’ servizz aħjar għas-snin li ġejjin.