“Il-ħaddiema fir-ristoranti jridu jilbsu maskra waqt ix-xogħol” – Fearne

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-ħaddiema fis-settur tal-catering iridu jilbsu maskra waqt il-ħin tax-xogħol.

Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone fil-Parlament dwar meta l-ħaddiema f’dawn is-settur jistgħu jaħdmu mingħajr maskri, il-Ministru Fearne spjega li huwa rakkomandat li dawn il-ħaddiema, li jkollhom kuntatt mal-klijenti, jilbsu l-maskra jew il-visor waqt li jkunu x-xogħol.

Schiavone staqsa wkoll x’inhuwa l-pjan biex jibdew jittaffew il-miżuri fuq l-istabbilimenti tal-ikel, iżda l-Ministru ma wiġibx dwar dan.

Ir-ristoranti u l-kafetteriji reġgħu fetħu l-bibien tagħhom fit-22 ta’ Mejju, b’għadd ta’ miżuri restrittivi minħabba l-imxija tal-coronavirus. Waħda minn dawn il-miżuri hija li l-ħaddiema jridu jilbsu maskra jew visor, iżda sikwit jintlemħu ħaddiema li jneħħuha waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom. Il-klijenti, iżda, mhumiex obbligati jilbsu l-maskra waqt li jkunu qegħdin ġo ristorant, għalkemm iridu jilbsu maskra meta jidħlu ġol-ħwienet u stabbilimenti.

Intant, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa aġġornat il-linji gwida tagħha billi issa qiegħda titlob lill-gvernijiet biex jitolbu lill-pubbliku sabiex jintlibsu l-maskri f’postijiet pubbliċi fejn ikun hemm riskju għoli li jinxtered il-coronavirus. Għalkemm il-maskri waħedhom ma jistgħux iwaqqfu l-coronavirus milli jixtered, dawn iservu ta’ ostaklu.

Jekk ir-ristoranti jinqabdu ma jsegwux ir-regoli, tista’ tittiħdilhom il-liċenzja li joperaw mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn