“Il-ħaddiema fil-banek għandhom jirċievu l-vaċċin mal-frontliners” – MUBE

Aġġornat 03:21 PM

Read in English.

Il-Union għall-impjegati tal-banek, l-MUBE, filwaqt li esprimiet is-solidarjetà u l-apprezzament tagħha lejn il-profesjonisti, appellat lill-awtoritajiet sabiex il-ħaddiema fil-banek, f’kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-finanzi, jingħataw wkoll prijorità biex jirċievu l-vaċċin kontra l-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu l-MUBE qalet li l-awtoritajiet tas-Saħħa għandhom jagħtu l-vaċċin kemm jista’ jkun malajr lill-frontliners kollha li għandhom jinkludu wkoll lill-membri tagħha għaliex huma wkoll jaffaċċjaw lin-nies kuljum. L-MUBE qalet li dan iwassal sabiex tkompli l-ħidma biex ma jibqax jinfirex il-virus tal-COVID-19.

Fl-istqarrija l-MUBE appellat wkoll lill-gvern sabiex isaħħaħ il-ħidma tiegħu fuq il-miżuri għal kontra l-COVID-19 għaliex bħalissa m’hemmx lok fejn wieħed jaħseb li m’hemmx periklu.

Il-union tal-bankiera qalet wkoll li l-postijiet tax-xogħol kollha għandu jkollhom l-arranġamenti meħtieġa sabiex iħaddmu r-remote working u rrakkomandat sabiex safar li mhux għal bżonn m’għandux isir.

Il-GWU tipproponi biex il-ħaddiema tal-banek jingħataw prijorità għat-tilqima

Fi stqarrija il-General Workers Union qalet li s-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU avviċinat lill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera dwar il-membri tagħha illi jaħdmu fil-banek madwar Malta u Għawdex dwar il-possibilità illi jitlaqqmu qabel kontra l-Covid-19.

Il-GWU qalet li dawn il-ħaddiema jiltaqgħu man-nies kontinwament, ix-xogħol tagħhom ipoġġihom f’periklu kemm għalihom u anke għall-familjari tagħhom illi jistgħu anke jkunu vulnerabbli. Minħabba f’hekk il-GWU ressqet proposta li għandhom jitqiesu bħala frontliners ukoll u għandhom jingħataw prijorità għall-vaċċin kontra l-Covid-19.

Fi stqarrija maħruġa mill-GWI ingħad li s-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera jaqbel mal-proposta tal-GWU u qal li jeħtieġ li jressaq din it-talba mal-Bord sabiex tkun tista’ formalment tinġieb l-approvazzjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-GWU qalet li tifhem li kulħadd jixtieq li jkun minn tal-ewwel biex jitlaqqam kontra l-Covid-19 però qalet li bħala Union tal-Ħaddiema huwa d-dmir tagħha li tara x’inhu l-aħjar għall-membri tagħha.