Il-ħaddiema f’Boffa jibdew it-taħriġ għaċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne enfasizza l-bżonn ta’ tim wieħed hekk kif bdiet it-tħejjija għall-migrazzjoni mill-isptar Boffa lejn iċ-ċentru il-ġdid tal-onkoloġija.
Fi żjara li s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa għamel lill-250 ħaddiem tal-isptar Boffa, kienu mfaħħra l-inizjattivi tal-ħaddiema biex ikompli jissaħħaħ ir-riżors uman ta’ dan l-isptar.
Dr Chris Fearne qal li impenn individwali lejn kawża kollettiva huwa dak li jagħmel tim wieħed li jirnexxi, bil-għan li l-pazjenti jingħataw l-aħjar trattament f’perjodu tant kritiku f’ħajjithom.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa irringrazzja l-ħaddiema tal-isptar Boffa li minbarra li joffru l-kura meħtieġa, jagħmlu dan b’sens ta’ imħabba lejn il-pazjent.