Il-ħaddiema barranin jgħinu biex il-Maltin ikollhom pensjoni u rtirar aħjar – GWU

Il-President tal-General Workers’ Union, Victor Carachi, qal li bis-saħħa tal-ħaddiema barranin f’Malta, il-ħaddiem Malti mhux jirriskja li jkun hemm xi estensjoni taż-żmien tal-irtirar, jew li jsiru xi riformi li jnaqqsu mid-dinjità tal-pensjoni.
Fil-messaġġ tiegħu f’isem il-GWU għal Jum il-Ħaddiem, Carachi qal li l-influss ta’ dawn il-ħaddiema mhux biss għen biex l-ekonomija tkompli tikber, iżda għamel aktar sostenibbli l-pensjonijiet tal-pajjiż.
Intqal li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż ġieb lejn Malta mal-40,000 ħaddiem, li Carachi enfasizza għandhom jiġu rrispettati bid-dinjità kollha li tixirqilhom.
Il-President tal-GWU tkellem ukoll dwar il-problema ta’ diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol, ewlenija fosthom il-paga.
Hawnhekk qal li dan id-distakk fil-ħlas mhux biss huwa inaċċettabbli, iżda wkoll huwa sfida li rridu mhux biss nirbħu iżda wkoll neliminaw.
Għal Carachi min iħaddem u jħallas pagi differenti lill-ħaddiema sempliċiment minħabba l-ġeneru tagħhom baqa’ lura ħafna u għadu m’għarafx li ż-żmien inbidel.
Qal li l-GWU dejjem tistinka biex fil-ftehimiet kollettivi li jagħmlu jasisguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni ta’ dan it-tip, u ħeġġeġ lill-ħaddiema biex jingħaqdu f’unjin.
Il-messaġġ itemm billi jirreferi għall-passat tal-unjin, li dejjem kienet fuq quddiem nett biex iġġib bidla soċjo-politika f’Malta.
“Konna fuq quddiem nett fil-proposti li ressaqna biex il-mara tingħata d-dritt tal-vot. Konna fuq quddiem nett li ħdimna kemm flaħna biex il-mara, fuq il-postijiet tax-xogħol, tingħata l-istess paga u drittijiet daqs il-kollegi tagħha rġiel. Ħdimna biex il-mara tibda tgawdi minn kundizzjonijiet li jagħtuha u jipproteġulha d-dinjità ta’omm”, jgħid il-messaġġ.
Il-GWU se tfakkar il-75 sena mit-twaqqif tagħha b’Kungress Nazzjonali fix-xhur li ġejjin.