Il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala membru ta’ familja

Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol tenfasizza fuq l-importanza li l-bniedem jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem, imma fuq kollox bħala membru ta’ familja. Tgħid li minkejja li x-xogħol huwa l-għixien tal-familja, dan għandu jkun mingħajr mal-familja jkollha tissagrifika l-għaqda u l-ħin bżonnjuż li jkunu flimkien.

F’memorandum għall-elezzjoni ġenerali, il-Kummissjoni Pastorali fid-dinja tax-xogħol, semmiet il-bżonn ta’ mistrieħ għall-ħaddiema. Dan b’mod partikolari hekk kif f’Malta, bħal f’pajjiżi oħra, il-Ħadd għadu jum ta’ mistrieħ u tal-familja. Saħqet li billi għall-insara l-Ħadd huwa ukoll Jum il-Mulej, fid-dawl tad-dritt tal-libertà reliġjuża, huma m’għandhomx ikunu mfixklin milli jħarsu dan il-jum.

Fil-memorandum, il-Kummissjoni inkludiet ukoll talba biex jiġi mħares ix-xogħol tradizzjonali Malti. L-istess Kummissjoni kienet rat u tkellmet fuq kif ix-xogħol tradizzjonali Malti, b’mod partikulari fil-qasam tas-sajd u tal-biedja, dan quddiem sfidi ġodda minħabba l-metodi aktar avvanzati li qegħdin jitħaddmu.

Finalment il-Kummissjoni tkellmet dwar ix-xogħol volontarju. Qalet li jeħtieġ isir aktar taħriġ biex dan ix-xogħol jiġi nkoraġġut dejjem aktar, dan anke permezz ta’ għajnuna finanzjarja.

Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-xogħol hija magħmula minn membri lajċi u fl-istess ħin impenjati fit-twemmin tagħhom. Dawn il-proposti huma riżultat tal-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni.

Aqra l-memorandum sħiħ tal-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-xogħol: http://maltadiocese.org/lang/en/news/memorandum-from-the-commission-of-pastoral-activities-amoung-workersmemorandum-mill-kummissjoni-pastorali-fid-dinja-tax-xoghol/