​Il-Ħadd manifestazzjoni oħra fil-Belt għall-ġustizzja u l-verità

L-għaqdiet #occupyjustice u l-Awturi qed isejjħu manifestazzjoni għall-Ġustizzja u l-Verità nhar il-Ħadd li ġej.
Din il-manifestazzjoni li se ssir fil-Belt Valletta se tkun qed titlob responsabbiltà politika u investigazzjonijiet serji u indipendenti fir-rivelazzjonijiet li qed joħorġu.
L-għaqdiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif fi kliemhom, il-Ministru Konrad Mizzi u l-Kap tal-Uffiċju tal-Prim Ministru gidbu dwar l-involviment tagħhom fil-kumpanija 17 Black.
Qalu li l-manifestazzjoni tal-Ħadd se tkun ukoll qed issejjaħ investigazzjoni dwar is-servizzi tas-sigurtà wara li allegatament, dawn ma ħadu l-ebda azzjoni qabel il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.