Il-Ħabs se jkollu bżonn ta’ aktar uffiċjali korrettivi

Newsbook.com.mt hu infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tinfetaħ sejħa għal aktar uffiċjali korrettivi.

Fil-preżent  fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm 155 uffiċjal; 130 raġel u 25 mara.

L-ingaġġ ta’ aktar uffiċjali korrettivi se jsir fid-dawl li s-sezzjoni korrettiva taż-żgħażagħ, magħrufa bħala l-YOURS se tiċċaqlaq minn Kordin għall-bini tas-SATU (Substance Abuse Therapeutic Unit) fl-Imtaħleb, limiti ta’ Ħad-Dingli.  

Dan biex il-priġunieri minorenni jgħixu f’post maqtugħ għalihom, ‘il bogħod minn priġunieri oħra u biex iktar jirnexxi l-proċess ta’ rijabilitazzjoni.

Sa sentejn ilu, is-SATU, li jesa’ 20 sodda, kien iservi għar-rijabilitazzjoni mid-droga għal dawk li ngħataw sentenza ta’ aktar minn sitt xhur ħabs iżda inqas minn sentejn.

Skont kelliema għall-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa hemm madwar 580 priġunier, li 16 minnhom għandhom inqas minn 21 sena. 

Hemm ukoll 78 priġunier ieħor li għandhom taħt it-30 sena.

Sa issa għadu mhux deċiż kemm hemm bżonn ta’ uffiċjali korrettivi fis-sezzjoni l-ġdida tal-YOURS fis-SATU.

Mistoqs dwar il-proġett ta’ ristrutturar tas-SATU, il-Ministeru qal li “qed tiġi eżaminata kull possibiltà, jekk jitkabbarx jew jintgħażel post ieħor”.

Fis-sezzjoni ta’ Kordin li kienet qed tintuża mill-YOURS ġew trasferiti l-priġunieri li kienu qed jingħataw il-kura fit-Taqsima Forensika f’Monte Carmeli.  Dan wara li l-Bord tar-Riforma fil-Ħabs spezzjona t-Taqsima Forensika u sab li l-priġunieri kienu qed jgħixu fi stat xokkanti.