“Il-ħabs ma tanix il-mediċini, jaf nitlef kollox”

Raġel ta’ 36 sena mill-Fontana ressaq protest ġudizzjarju wara li lmenta li minħabba nuqqas mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tilef iċ-ċans ta’ trapjant tal-kilwa.
Huwa kien weħel ħames snin ħabs f’April li għadda wara li ammetta li ttraffika 1.5kg ta’ reżina tal-kannabis.
Il-Qorti Kriminali kienet semgħet kif uża l-kannabis bħala painkiller minħabba marda fil-kilwa. Saħtu bdiet sejra lura u spiċċa f’siġġu tar-roti.
Sakemm kien qed jistenna biex jidher quddiem il-Qorti, huwa ngħata kilwa u maż-żmien irnexxielu jkompli b’ħajtu u jibni familja.
Madankollu, huwa qal li dak li rnexxielu jikseb tilfu kollu meta spiċċa l-ħabs. Dan minħabba li fi kliemu ċaħduh milli jieħu l-mediċini li jgħinu lil ġisem jaċċetta l-kilwa li kien ingħata.
Huwa saħaq li minħabba nuqqas mill-ħabs il-kilwa li ngħata spiċċat inħliet.
Huwa ressaq il-protest ġudizzjarju kontra d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali.