“Il-ħabs jaf ma jkunx l-aħjar post biex iż-żgħar jirranġaw ħajjithom”

Luke Zerafa

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-ħabs jaf ma jkunx l-aħjar post biex il-minorenni jirranġaw ħajjithom.

F’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm żieda fin-numru ta’ minorenni li kienu qed jinżammu fis-sezzjoni taż-żgħar tal-ħabs il-YOURS.

Minn informazzjoni li ħarġet mill-parlament, fl-2017 kien hemm 4 minorenni li kienu qed jinżammu fil-Young Persons Offenders Unit (YOURS). Fl-2018 kien hemm 13 u fl-2019 kien hemm 19. Fl-2017, il-minorenni kellhom bejn is-16 u s-17-il sena. Waħda minnhom kienet femminili u kellha 14-il sena.

Fl-2019 tnejn kellhom 14, erba’ kellhom 15, u 13 kienu bejn is-16 u s-17-il sena.

Din l-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari li għamel l-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia.

Farrugia staqsa wkoll mistoqsija lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici dwar x’miżuri kienu qed jittieħdu biex kemm jista’ jkun minorenni ma jispiċċawx il-ħabs minħabba li jiċċappsu mal-kriminalità.

Bonnici qal li hemm diversi miżuri fil-liġi li jipproteġu lill-minorenni milli jispiċċaw il-ħabs “fejn forsi ma jkunx l-aħjar post biex jirranġaw ħajjithom f’dak l-istadju tal-ħajja.”

“Dawn jinkludu l-età tar-responsabbilità kriminali li dan il-Gvern stess għolliha għal 14-il sena, id-dritt li l-minorenni jgħaddi process quddiem il-Qorti tal-Minorenni, u t-tnaqqis fil-piena fil-ka ta’ età żgħira,” qal Bonnici. Spjega li dan it-tnaqqis jista’ jfisser li akkużat jaf ikun eliġibbli għal Ordni ta’ Probation jew sentenza sospiża.

F’Ottubru, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal fil-Parlament li ġie infurmat li ma tinżammx statistika ta’ każijiet ta’ vjolenza bejn priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Madanakollu dan mhux minnu għax Newsbook.com.mt għandu f’idu statistika uffiċjali.

Il-Ministru Farrugia mhux infurmat dwar x’jiġri fil-ħabs