Il-ħabi tal-abbużi mill-Kleru għamlu ħsara lill-Knisja aktar mill-abbużi nfushom

L-Isqfijiet Amerikani waqt irtir li qed jagħmlu fuq stedina tal-Papa biex jiddixxernu l-kriżi tal-abbużi sesswali

F’ittra ta’ tmien paġni li bagħat lill-Isqfijiet Amerikani li bħalissa qed jagħmlu irtir ta’ ġimgħa sħiħa biex jirriflettu fuq il-kriżi li qed tiffaċċja l-Knisja minħabba l-iskandlu tal-abbużi sesswali mill-Kleru, il-Papa Franġisku qalilhom li l-isforzi li saru biex jiċħdu jew jaħbu dawn l-abbużi, naqqsu l-kredibilità tal-Knisja u għamlulha ħsara aktar mill-abbużi nfushom.

L-ittra kienet pubblikata sħiħa mill-Konferenza Episkopali Amerikana u nkitbet fl-1 ta’ Jannar lejlet li beda l-irtir li qed jitmexxa mill-Predikatur tal-Papa, il-Kapuċċin Patri Raniero Cantalamessa. Fiha, il-Papa sejjaħ għal konversjoni u għaqda fraterna u mhux sempliċement soluzzjonijiet amministrattivi.

Il-Papa nkoraġixxa lill-Isqfijiet Amerikani biex jitolbu u jieħdu passi biex jikkumbattu l-kultura tal-abbuż u jiffaċċjaw din il-kriżi ta’ kredibilità.

“Fi żmien ta’ konfużjoni u inċertezza kbira irridu nkunu attenti u niddixxernu u neħilsu lil qlubna mill-kompromessi u ċ-ċertezzi foloz biex nisimgħu dak li qed jitlob minnha Alla fil-missjoni li fdalna” Filwaqt li ħafna azzjonijiet jistgħu jkunu tajba, meħtieġa u ta’ għajnuna, jista’ ma jkunux ispirati mill-Vanġelu.  Irridu nkunu attenti li l-kura ma tkunx agħar mill-marda, wissa Papa Franġisku.

Fl-ittra tiegħu l-Papa nnota li “l-kredibilità tal-Knisja ħadet daqqa kbira bl-abbużi tal-poter u tal-kuxjenza u bl-abbużi sesswali; imma aktar u aktar mill-isforzi li saru biex dawn jinħbew jew ikunu miċħuda. L-attentat biex jinħbew dawn id-dnubiet, għenu biex jikkaġunaw ħsara akbar.

L-Aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News ikkwotat mill-ittra fejn il-Qdusija Tiegħu  qal li “l-ġlieda kontra l-kultura tal-abbuż, it-telf ta’ kredibilità, il-konfużjoni li dan ħoloq u l-iskreditar tal-missjoni tal-Knisja, jitolbu azzjoni deċisiva u urġenti li ma tirdx tikkonsisti f’sempliċi ħruġ ta’ digrieti iebsa jew ħolqien ta’  kumitati ġodda. Staġun ekklesjastiku ġdid għandu bżonn Isqfijiet li jistgħu jgħallmu lill-oħrajn kif jiddixxernu l-preżenza t’Alla fl-istorja tal-poplu Tiegħu u mhux sempliċi amministraturi”.

Il-Papa nsista li “d-dover ewlieni tagħna hu li noħolqu spirtu ta’ dixxerniment flimkien. Dan jgħinna biex nidħlu fir-realtà u nippruvaw napprezzawha u nisimgħuha internament bla ma nkunu ostaġġi tagħha.”

“Dan it-tiġdid jinħtieġ għarfien kolleġġjali li aħna midinbin u l-ħin kollu għandna bżonn nikkonvertu għax b’hekk inkunu nistgħu nidħlu f’għaqda affettiva mal-poplu tagħna. Dan jitlob minna li niddeċiedu li nabbandunaw it-tmaqdir, l-iskreditar, li nilgħabuha tal-vittmi jew inċanfru lill-oħrajn u minflok nagħtu lok għal dik iż-żiffa ħelwa li l-Vanġelu biss jista’ joffri”, sostna l-Papa.

Fl-ittra l-Papa insista li “it-tama titwieled mill-fiduċja u l-fidċja titwieled minn serviz sinċier, umli u ġeneruż għal kulħadd imma speċjalment għal dawk li huma għeżież għal qalb t’Alla”.

“Din hi biċċa xogħol sublimi u ma nistgħux nibqgħu siekta jew innaqqsu l-importanza tagħha minħabba l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tagħna.”

Lejn l-aħħar tal-ittra l-Papa Franġisku kkowta lil Santa Tereza ta’ Calcutta: “Iva jien għandi ħafna difetti u nuqqasijiet umani, imma Alla jitbaxxa u juża lili u lilek biex inkunu l-imħabba u l-kumpassjoni tiegħu fid-dinja; Hu jerfa’ dnubna, l-inkwiet u n-nuqqasijiet tagħna”.