“Il-Gżira u Tas-Sliema taħt assedju mill-iżviluppaturi” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gżira u Tas-Sliema qiegħdin taħt assedju mill-iżviluppaturi.
Dwar l-esperjenza tiegħu fil-Gżira u f’Tas-Sliema, Adrian Delia qal li dawn il-postijiet huma taħt assedju mill-iżviluppaturi. Qal li huwa tajjeb li jsir il-bini iżda qal li dan irid isir bi pjanar u b’regoli stretti.
Waqt li kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tar-radio tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista li saritlu dalgħodu, Adrian Delia qal li wieħed minn kull għaxra mhux qed ilaħħaq mal-affarijiet bażiċi fil-ħajja. Sostna li l-Gvern mhux qed jagħti widen għal din ir-realtà.
“Irridu nżommu l-valur tal-familja”
Fl-istess intervista, Delia rrefera għall-istħarriġ li wera li hemm iktar nisa milli irġiel li qed joppuni għal dawn il-bidliet.
Saħaq li hemm bżonn “linja bejn il-ħajja u l-mewt” li qal li qatt ma tista’ tinqabeż.
Qal ukoll li hi xi ħaġa sabiħa li tara li hawn nies li qed jopponu l-miżuri li skont Delia se jeqirdu l-ħajja umana permezz tal-iffriżar tal-embrijuni.
Hawnhekk semma lil 524 tabib li din il-ġimgħa ffirmaw dikjarazzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni li ġiet ippreżentata lill-Ministru Chris Fearne. Qal li jinsab kuntent li hawn nies professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam li qed isemmgħu leħinhom kontra l-għażliet tal-Gvern.
“Il-Gvern qed jippjana biex ikun hemm iktar faqar”
Delia wieġeb ukoll għall-mistoqsijiet dwar l-aħbar li l-Ministru Carmelo Abela qabbad ħaddiema tal-Gvern biex jagħmlulu x-xogħol f’daru.
Delia qal li din hija xi ħaġa kundannabbli minħabba li qed isir serq mill-Maltin filwaqt li saħaq li l-politiċi qiegħdin hemm biex jaqdu u jservu.
Qal li b’dan kollu l-Gvern qed jippjana biex ikun hemm iktar faqar filwaqt li spjega li meta l-liġijiet ma jiġux imħarsa il-Gvern ikun qed jippjana li jinħoloq aktar faqar.
Kompla jgħid li li għalkemm staqsa fil-Parlament dwar dan l-aġir lill-Ministru nnifsu u anki lill-Prim Ministru, l-ebda minnhom ma wieġeb.
L-ebda responsabbiltà dwar l-investigazzjonijiet fuq l-awtoritajiet Maltin
Dwar dak żvelat fl-aħħar jiem dwar total ta’ $430,000 li għaddew mill-Ażerbajġan għal għand Keith Schembri, Adrian Delia qal li reġa’ staqsa lill-Prim Ministru dwar dwan fil-Parlament.
Delia qal li ma ttieħdet l-ebda responsabbiltà dwar l-investigazzjonijiet li huma għaddejin fuq l-MFSA u fuq l-FIAU. Qal li l-Gvern qed iżebblaħ u jfarrak dak li bena l-PN meta kien fil-Gvern.
Qal dan filwaqt li saħaq li l-Ażerbajġan huwa meqjus bħala l-aktar pajjiż korrott fid-dinja.
Illum qed issir il-maratona ġbir ta’ fondi għall-Partit Nazzjonalista
Dwar il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li l-messaġġ huwa dak biex il-Maltin isaħħu l-vuċi tagħhom permezz tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista. Qal li permezz tad-donazzjonijiet, il-Partit ikun jista’ jsaħħaħ l-għodda tiegħu biex ikompli jxandar.
Il-Partit Laburista jgħid li Delia f’paniku
Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li l-intervent ta’ Delia kien wieħed “negattiv minn kap f’paniku li mhux iħossu fdat”.
L-istqarrija tgħid li bil-għan li jiġbed warajh lin-Nazzjonalisti, Delia tkellem bl-addoċċ u mingħajr fatti f’idejh dwar numru ta’ allegazzjonijiet.