Il-gżira Griega ta’ Lesbos tistenna lill-Papa fost ir-refuġjati

Il-gżira ta’ Lesbos fil-Greċja qed tħejji biex is-Sibt filgħodu tilqa’ lill-Papa Franġisku li mistenni jasal għall-ħabta tal-10.20am.
Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, se jakkumpanja lill-Papa tul iż-żjara mingħajr ma jagħmel ebda diskors politiku.
Akkumpanjat mill-President tal-Konferenza Episkopali Griega, l-Arċisqof ta’ Ateni, u l-Patrijarka, il-Papa se jżur kamp ta’ refuġjati li qed jilqa’ 2,500 persuna li qed jitolbu ħarsien internazzjonali.
Il-parti l-kbira tagħhom huma Musulmani.
Il-Papa se jżur ukoll il-port ta’ Lesbos u flimkien mal-mexxejja reliġjużi se jitlob għal dawk li tilfu ħajjithom fit-traġitt għall-Ewropa. Il-Vatikan iddeskriva din iż-żjara bħala ta’ natura umana u ekumenika.