Il-Gżejjer Maltin f’kompetizzjoni ta’ films qosra

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, f’kollaborazzjoni mal-Malta Film Commission, nieda kompetizzjoni ta’ films qosra mibnija madwar il-hashtag #mysecretmalta. Din il-kompetizzjoni ġiet organizzata bil-għan li tgħin lil persuni li jagħmlu l-films jilħqu udjenzi usa’, filwaqt li tesebixxi l-angoli differenti tal-gżejjer u turi l-potenzjal ta’ Malta bħala post ideali għall-produzzjoni ta’ films internazzjonali.
Il-parteċipanti interessati ngħataw biss ġimgħa sabiex jaħdmu fuq, u jissottomettu, il-film qasir tagħhom, li kellu jkun twil bejn 2 u 5 minuti. L-ibħra blu ta’ madwar il-gżejjer, il-festi, il- knejjes, postijiet pittoreski u xi żewġ karattri lokali huma l-protagonisti tat-12-il film finalist tal-kompetizzjoni. Il-pubbliku kien mistieden jivvota għas-sottomissjoni favorita tiegħu permezz tal-paġna tal-Facebook. 
Is-sottomissjoni li tirċievi l-aktar voti mill-pubbliku ser tirbaħ premju ta’ €2,500. Min-naħa l- oħra, it-tieni premju ta’ €5,000 ser jingħata lill-parteċipant li jirbaħ il-vot tal-ġurija, li ser tkun komposta minn rappreżentanti tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Malta Film Commission u espert mill-industrija tal-films.