Il-gżejjer lesti għall-Karnival

Kemm Malta kif ukoll Għawdex lesti biex dis-sena jerġgħu jiċċelebraw il-Karnival.
Fil-każ ta' Malta dis-sena l-baġit allokat kellu żieda ta' madwar 12% fuq l-edizzjoni ta' qabel.
Il-Karnival dis-sena se jibda ġimgħa qabel bi sfilata bil karrijiet, baned, u maskaruni u l-kumpaniji taż-żfin fil-Kottonera. 
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Karnival se ssir il-Ħamis minflok il-Ġimgħa.
Fl-edizzjoni ta' din is-sena se naraw numru rekord taż-żfin u se jipparteċipaw 'il fuq minn 20 kumpanija kompetitiva. Insibu wkoll kumpanji taż-żfin minn Għawdex. 
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival se jkunu mifruxa; se jsir il-Ballu Tritoni ħdejn il-Funtana tat-Tritoni, u Festivals Malta se tkun qed torganizza 'Festa Baned' fil-Ħamrun.
Fost attivitajiet oħra nsibu l-edizzjoni tal-Qarċilla li ġġib l-isem L-Għarusa Karfusa li se tittella' minn Teatru Malta, u ċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva Esplora se jtella' numru ta' attivitajiet marbuta mal-karnival bl-isem Kuluri Karnival. Dawn se jinkludu taħditiet dwar il-Karnival, spettakli tax-xjenza, kompetizzjonijiet għall-aħjar kostum u gruppi ta' ħidma interattivi.
Id-dettalji tal-Karnival f'Malta ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għal Valletta 2018, Deo Debattista, Rachael Backburn minn Esplora u Vincent Fabri mill-Kunsill Lokali tal-Belt.
F'Għawdex il-Karnival mar lura fi Pjazza t-Tokk
Fi stqarrija il-Ministru Għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-ministeru kkontribwixxa għall-karnival tar-Rabat u tan-Nadur.
L-ewwel attività kienet il-ftuħ uffiċjali ta' wirja għeluq it-tletin sena mill-ewwel logi uffiċjali tal-Karnival Reġjonali.

Ritratti: MGOZ – Terry Scerri