Il-Gżejjer Kanarji se jħallsu l-ispejjeż marbuta mal-coronavirus lit-turisti

It-turisti u persuni Spanjoli kollha li se jkunu qed iżuru l-Gżejjer Kanarji se jkollhom l-ispejjeż potenzjali kollha marbuta mal-coronavirus imħallsa mill-gvern reġjonali, fi sforz biex ikun salvat l-istaġun turistiku wara żieda fl-infezzjonijiet fi Spanja. Dawn l-ispejjeż jinkludu n-nefqa fuq is-saħħa jew estensjoni tal-vaganza f’każ ta’ kwartantina obbligatorja fuq il-gżejjer.

Din il-mossa ttieħdet hekk kif dan il-pajjiż, li jiddependi ħafna fuq it-turiżmu, qed ifittex li jserraħ moħħ it-turisti wara li r-Renju Unit impona kwarantina obbligatorja għal kull min jirritorna minn hemmhekk.

Sadanittant l-infezzjonijiet tal-COVID-19 fi Franza telgħu fl-għola livell għal aktar minn xahrejn meta kienu reġistrati 1,695 każ ġdid, bil-medja tal-aħħar sebat ijiem taqbeż l-1,300 għall-ewwel darba sa mill-aħħar ta’ April, meta l-pajjiż kien għadu f’lockdown.

Il-medja tal-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu hi ta’ tliet darbiet iktar minn dik ta’ Ġunju, iżda nofs dik ta’ April meta l-pandemija kienet fl-aqwa tagħha.

Fil-bliet Franċiżi ewlenin mal-kosta, li huma l-aktar popolari mat-turisti, l-użu tal-maskri huwa obbligatorju, waqt li numru minnhom għamlu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-bajjiet wara ż-żieda fil-każijiet ġodda.