Il-GWU turi tħassib dwar is-sitwazzjoni fit-Trasport Pubbliku

Il-General Workers’ Union tinsab imħassba dwar il-mod ta’ kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni tat-tender tat-trasport pubbliku.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li l-akbar tħassib hu li l-ħaddiema tat-trasport pubbliku jistgħu b’xi mod jintlaqtu ħażin minn din is-sitwazzjoni. Sostniet li dan qed iwassal għal inċertezza u demotivazzjoni fost il-ħaddiema tat-trasport pubbliku u qiegħda toħolqilhom pressjoni bla bżonn.
Il-Unjin qed tappella lill-awtoritajiet Maltin biex “għall-ġid ta’ dawk kollha involuti jaraw li malajr kemm jista’ jkun tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni.”
Temmet billi qalet li l-GWU tħoss li kif qed jiżviluppaw l-affarijiet fit-trasport pubbliku qed jaffettwa wkoll b’mod negattiv lill-poplu, u li mhux ġust li l-poplu jaffaċja sitwazzjoni bħal din.