Il-GWU trid aktar ħaddiema fiċ-ċentri tad-detenzjoni

Miguela Xuereb

Il-General Workers’ Union (GWU) għamlet għajta mill-ġdid għal aktar ħaddiema fiċ-ċentri tad-detenzjoni. Dan ħareġ minn post li tellgħet l-union fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook fejn uriet il-ġrieħi li ġarrab uffiċjal tad-detenzjoni waqt li allegatament numru ta’ immigranti ppruvaw jaħarbu miċ-ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far is-Sibt li għadda.

Fil-post, l-union spjegat li allegatament, l-immigranti ppruvaw jaħarbu mill-blokka magħrufa bħala Hermes Block. Dan l-inċident ma kienx irrappurtat fil-midja lokali u lanqas ma ntbagħtet stqarrija dwaru mill-Pulizija fil-jiem li għaddew.

Hi fakkret kif f’din il-blokka hemm madwar 600 immigrant. Nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju kien hemm biss tmien ħaddiema magħhom: erba’ uffiċjali tad-detenzjoni u erba’ uffiċjali tas-sigurtà. L-union qalet li fl-aħħar ġimgħat diġà ġibdet l-attenzjoni tas-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney li hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi umani. L-union qalet li jekk is-sitwazzjoni mhux se tkun indirizzata, se jkollha tirrikorri għal diversi direttivi.

Spjegat ukoll kif fil-ġimgħat li għaddew, il-GWU, permezz tas-Segretarju tat-taqsima Theo Vella, reġgħet għamlet talba lill-Ministru Byron Camilleri biex il-ħaddiema kollha li jkunu qed jaħdmu fiċ-ċentri tad-detenzjoni jkunu koperti mill-Occupational Personal Accident Benefit Scheme. Qalet li sal-lum, dawn il-ħaddiema għadhom mhux qed jibbenefikaw minn din l-iskema.