Aġġornat: Il-GWU tmeri lil PM dwar il-parkeġġ ta’ Mater Dei; reazzjoni GWU

Il-General Workers’ Union u l-Prim Ministru il-Ħadd ma qablux dwar fejn waslu d-diskussjonijiet tan-negozjati dwar x’se jiġri mill-ħaddiema li kienu qed jintalbu jħallsu biex jagħmlu użu mill-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei.

Minkejja li l-Unjin qalet li l-ftehim mhux iffinalizzat, il-Prim Ministru, meta tkellem fuq One Radio, sostna li l-ftehim ġie konkluż.

Kelliem għall-GWU qal ma’ Newsbook.com.mt li n-negozjati bejn il-Gvern u l-unjin wasslu għal tfassil ta’ ftehim. Il-pass li jmiss issa huwa li l-unjin tiltaqa’ mal-ħaddiema sabiex tikkonferma li jaqblu mal-ispunti tan-negozjati u minn hemm jitfassal il-ftehim finali.

Il-kelliem għall-GWU spjega li jekk il-ħaddiema ma jaqblux man-negozjati, id-diskussjonijiet jibqgħu għaddejjin sakemm jintlaħaq ftehim sodisfaċenti għaż-żewġ naħat.

Min-naħa l-oħra, waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-deċiżjoni ttieħdet grazzi għall-ħidma tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne mal-Unjin.

Hu ħabbar li l-ħaddiema li jsuqu l-karozzi personali se jibqgħu jużaw il-parkeġġ b’xejn, filwaqt li dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku se jingħataw żieda ta’ €18.

Dalgħodu Muscat spjega li l-kuntrattur li qabel kellu l-parkeġġ tal-isptar f’idu kien iħalli lill-ħaddiema jipparkjaw b’xejn u mingħajr ma jsir moniteraġġ. Sostna li din id-deċiżjoni kienet qed tikser ir-regoli u ma kienet fl-ebda kuntratt. Liema kunduzzjoni sar jaf biha l-kuntrattur il-ġdid u ħadem sabiex titwaqqaf.

Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta s-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt dwar is-sitwazzjoni li spiċċaw fiha fejn insistew li ma jistgħux jifmhu kif kienu se jħallsu għall-parkeġġ kuljum mill-paga minima tagħhom.

Single mother li taħdem fl-Isptar Mater Dei kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li trid trabbi lit-tliet ulieda b’paga ta’ €950 fix-xahar u ma setgħetx temmen li kienet se tintalab tħallas sabiex issib parkeġġ viċin l-isptar.

Intant, il-pubbliku se jkun qed igawdi minn tariffi aktar baxxi meta jagħmel użu mill-parkeġġ tal-isptar waqt li jkunu qed iżuru l-pazjenti rikoverati fl-isptar. It-tariffi li kienu tħabbru mill-Ministeru għas-Saħħa raw roħs sa massimu ta’ 60 ċenteżmu, skont kemm wieħed idum ipparkjat.

AĠĠORNAT: reazzjoni tal-GWU

B’reazzjoni għal dan l-artiklu l-GWU bagħtet din l-email bħala ‘dritt għar-risposta’ (Right of Reply)

“Lil Kap Editorjali Newsbook

 “Nagħmel referenza għall-artiklu taħt it-titlu “Il-GWU tmeri lil PM dwar il-parkeġġ ta’ Mater Dei” ippublikat il-Ħadd 12 ta’ Awwissu, fuq il-portal tal-aħbarijiet “Newsbook”

 “Fid-dawl ta’ dak li hemm provdut fl-Artiklu 21 tal-Kapitlu 248 tal-Liġijiet ta’ Malta, qed nibgħatlek dikjarazzjoni tal-General Workers’ Union bi tweġiba għall-artiklu hawn fuq imsemmi.

 “Inti għaldaqstant mitlub tippubblika din id-dikjarazzjoni “bħala artiklu separat, bla tnaqqis u mingħajr ma jiddaħħlu fiha kummenti jew jidher xi materjal ieħor li ma jkunx jagħmel parti mir-risposta, u dan bi prominenza ugwali għall-pubblikazzjoni li dwarha qed issir ir-risposta” skont it-termini tas-Subartiklu 2 tal-Artiklu 21 tal-Kapitlu 248 tal-Liġijiet ta’ Malta.

” Il-General Workers’ Union tistqarr li mhuwiex minnu dak li r-rapporta l-portal tal-aħbarijiet Newsbook fir-rigward l-użu tal-parkeġġ fl-isptar Mater Dei minn ħaddiema tal-kuntrattur, fejn għażel li jgħawweġ il-kumment tal-kelliemi. Fl-ebda ħin il-kelliemi ma għadda kummenti li permezz tagħhom ried jikkontraddixxi jew imeri dak imħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ħadd fuq ONE Radio, jew li l-pożizzjoni tal-Union hija opposta għal dik tal-Gvern. 

” L-uniku kumment li ngħatat il-ġurnalista ta’ Newsbook, Nicole Borg, kienet li l-uniku informazzjoni disponibbli sa dak il-ħin kienet dik li: “Għaddejjin id-diskussjonijiet.” Fl-ebda ħin ma kien hemm indikazzjoni li l-ftehim kif milħuq irid jiġi approvat mill-ħaddiema. Fl-ebda ħin ma kien hemm ċaħda jew tgiddiba ta’ dak li qal il-Prim Ministru. Dan għall-fatt li t-talba oriġinali tal-GWU kienet li l-parkeġġ ikun b’xejn.

Għaldaqstant il-GWU tqis li l-artiklu kien strutturat u intenzjonat biss biex jiskredita l-ħidma u jattakka lill-General Workers’ Union u xejn aktar.

 “Ivin Catania

“Media & Information Officer”

NOTA EDITORJALI

Kmieni t-Tnejn filgħodu, il-kelliem għall-unjin, f’telefonata lill-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt,  qal li hu kien għadu ma kienx infurmat bil-ftehim li kien intleħaq u kien għalhekk li tagħna il-kumment kif riprodott. Ftit wara intbagħtet din l-ittra bħala ‘dritt għar-risposta’. Newsbook.com.mt itenni li rrapporta fedelment dak li intqal lilu.