Il-GWU titlob laqgħa urġenti mad-diriġenti tal-ONE

Il-General Workers’ Union talbet laqgħa urgenti mat-tmexxija ta’ ONE Group wara l-aħbar li ħarġet fil-mezzi tax-xandir dwar il-kawża kostituzzjonali li tista’ twassal għall-għeluq tal-istazzjonijiet politiċi Maltin.

Il-ġurnal elettroniku Lovin Malta ħabbar li beħsiebu jibda kawża kostituzzjonali kontra l-istazzjonijiet taż-żewġ partiti ewlenin f’Malta, il-ONE u n-NET, bl-argument li sezzjoni tal-Att tax-Xandir fuq l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi tikser l-ispirtu tal-kostituzzjoni, u għandha tiġi ddikjarata nulla.

B’reazzjoni għal dan, il-GWU ħarġet stqarrija li tgħid li l-ħaddiema ta’ ONE Group ilhom membri fi ħdanha sa mit-twaqqif tal-kumpanija. Il-Ħadd li għadda diversi membri avviċinaw lit-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi biex jaraw jekk din il-kawża taffettwax l-impjieg tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan, il-GWU talbet laqgħa urġenti mat-tmexxija ta’ ONE Group b’rabta mal-futur inċert tal-ħaddiema.

Mistoqsi fuq is-suġġett il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-ideal ikun li ma jkunx hemm bżonn ta’ dawn l-istazzjonijiet biex il-partiti jwasslu l-messaġġ tagħhom, għax il-PBS juri imparzjalità u jagħti opportunità lil kulħadd, iżda r-realtà mhix hekk. Qal li bħalissa għad hemm bżonn dawn l-istazzjonijiet għax huma l-portavuċi tal-partit, u hu jrid isaħħaħ lil NET TV u NET FM.

Il-każ mistenni jibda jinstema’ aktar tard dan ix-xahar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn