Iridu li l-Ministru għall-Ugwaljanza tikkundanna l-kummenti ta’ Zarb

L-Assoċjazzjoni għall-Ugwaljanza, A4E, filwaqt li kkundannat il-kummenti deskritti "degradanti" ta' Zarb, u filwaqt ukoll li innutat li l-GWU u entitajiet oħra kkundannawhom ukoll, talbu biex issa l-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, tikkundannahom.
L-istqarrija tal-A4E ttemm tgħid li tissapportja din it-tip ta' inizjattiva.
Sadanittant, il-General Workers’ Union (GWU) ikkundannat il-kummenti dispreġġjattivi mgħoddija mill-eks-Segretarju Ġenerali tagħha, Tony Zarb, wara li lbieraħ sejjaħ tradituri u prostituti lin-nisa li kkampjaw barra Kastilja.
Il-GWU qalet fi stqarrija li m’għandu jingħad jew jinkiteb xejn li jwassal għal diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, ġeneru, razza, reliġjon, twemmin jew sterjotip ieħor li jiżra’ l-mibegħda fost il-Maltin.
Il-Unjin saħqet li minkejja l-fatt li kull persuna għandha dritt li tesprimi ruħha b’mod ħieles, ħadd m’għandu jikteb kummenti dispreġġjattivi bl-għan li flok jgħaqqad inissel il-mibgħeda, speċjalment meta skontha l-pajjiż għandu bżonn jingħaqad.
Membri parlamentari Maltin u Ewropej jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni
Il-membri parlamentari Maltin Therese Comodini Cachia, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Maria Deguara u Kristy Debono flimkien mal-Ewroparlamentari Roberta Mestola, ukoll ikkundannaw il-kliem li Tony Zarb kiteb fuq il-profil tal-Facebook tiegħu, u saħqu li l-Gvern ma jistax jibqa’ silenzjuż quddiem mentalità li tiddisprezza n-nisa, speċjalment f’pajjiż li qed jiġġieled għal iktar ugwaljanza bejn is-sess.
Minkejja li fi stqarrija saħqu li Zarb għandu jibqa’ jgawdi d-dritt tal-espressjoni ħielsa tiegħu, il-membri parlamentari ħeġġew lill-Gvern biex jieħu azzjoni u jiddikjara li jiddistakka ruħu minn kliem il-konsulent tiegħu, sabiex juri li verament jirrispetta n-nisa Maltin.
“Kummenti sessiti m’għandhomx post f’soċjetà demokratika” – MHA
L-Assoċjazzjoni Umanistika ta’ Malta (MHA) fi stqarrija rrikonoxxiet id-dritt ta’ kull persuna li tipprotesta u titkellem b’mod ħieles f’soċjetà demokratika, iżda ddiskreviet il-kummenti ta’ Zarb bħala sessisti, dispreġġjattivi għan-nisa kollha u li jmorru kontra l-prinċipji tad-demokrazija.
L-assoċjazzjoni sostniet li l-libertà tal-espressjoni m’għandhiex tintuża bħala skuża minn nies li l-għan tagħhom hu li jinsulentaw lill-oħrajn, u jiżirgħu l-mibegħda fis-soċjetà. 
“Tony Zarb jirrifletti l-mentalità li daħħal f’pajjiżna Joseph Muscat” – PN
Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li l-kummenti ta’ Zarb jirriflettu l-mentalità li daħlet fil-pajjiż taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, li jekk persuna teżerċita d-dritt tagħha li tipprotesta kontra l-Gvern, tisfa vittma tat-tgħajjir u l-insulti.
Il-PN esprima solidarjetà man-nisa li ġew ipprovokati waqt li kienu qed isemmgħu leħinhom quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni kontra l-“kummenti moqżieża” miktuba mill-konsulent tiegħu. 
"L-istqarrija tal-PN dwar Zarb turi livell ta' ipokrezija għoli" – PL
Sadanittant, il-Partit Laburista rreaġixxa wkoll għall-kummenti ta' Tony Zarb, u kkundanna kull kumment dispreġġjattiv, ġej minn fejn ġej.
Żied jgħid ukoll iżda li l-istqarrija tall-PN dwar il-kummenti turi l-livelli ta' ipokrezija li kapaċi jilħqu l-ogħla esponenti tal-istess partit.
B'eżempju għall-istqarrija tiegħu, il-PL semma lill-ekskap Simon Busuttil, li għajjar li jinsab fil-ħama lil kull min ma jaqbilx mal-partit tiegħu, kif ukoll ikkummenta "ħiereġ l-għerf" jumejn ilu tkellmet il-Membru Parlamentari Laburista, Rosianne Cutajar.
Isemmi wkoll kif dan l-aħħar il-kap attwali, Adrian Delia, iddeskriva bħala "biċċa blogger, viljakk u miskin" lil min ma qabilx miegħu.
"Preokkupata b'dawn il-messaġġi" – NCPE
Anki l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qalet li tħossha preokkupata b'dawn il-messaġġi.
Fi stqarrija qalet li kulħadd għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu, iżda l-lingwaġġ għandu dejjem ukoll juri rispett sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-ugwaljanza f'soċjetà demokratika.