Aġġornata: Muscat jgħid li ħadd m’għandu jitkellem f’isem il-PL – Il-PN jitlob ir-riżenja ta’ Tony Zarb

Il-GWU sejħet bħala rappurtaġġ qarrieqi, artiklu fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ li allega li l-unjin tuża l-influwenza tagħha biex ċertu negozji jirbħu tenders.

Dan wara li l-istess ġurnal ippubblika partijiet minn konverżazzjoni bejn Tony Zarb, segretarju ġenerali tal-istess unjin, u rappreżentant ta’ kumpanija.

Skond dan il-ġurnal, Tony Zarb kien qallu li jekk dan in-negozju jkollu relazzjoni tajba mal-GWU, mhu se tispiċċa qatt taħt il-mira tal-gazzetta tal-unjin.

Jingħad ukoll kif jekk in-negozju ma jieħux tender tal-gvern, il-GWU tattakka lill-gvern fuq din id-deċiżjoni.

Il-GWU qalet li ‘In-Nazzjon’ ippubblika biss partijiet selettivi u editjati biex jagħti stampa totalment differenti.

Fi stqarrija, intqal kif din il-laqgha kienet intiza biex tindirizza l-problema ta’ xogħol prekarju.

Il-GWU qalet li qed tikkonsidra dan bħala kontinwazzjoni tal-attakki tal-PN kontriha u kontra l-interessi tal-ħaddiema li tirrappreżenta u jitfa’ aktar dubju dwar kemm il-PN iqis lill-GWU bhala sieħeb dinjituż fir-relazzjonijiet industrijali.

Il-GWU mhux teskludi li tieħu passi legali kontra l-midja nazzjonalista.

Aġġornata: Il-Partit Nazzjonalista talab lil Tony Zarb biex ‘jirriżenja minnufih’ mill-GWU. Fi stqarrija, il-PN iddeskriva dan bħala ‘atteġġjament skandaluż ta’ ‘ħokkli dahri ha nħokklok dahrek’.

Mistoqsi dalgħodu mill-ġurnalisti dwar dan l-artiklu, Dr Muscat qal li “ħadd m’għandu dritt jitkellem f’isem il-Partit Laburista”. Qal li stqarrijiet u kummenti joħorġu biss minn kelliema tal-Partit. Sostna li qed jistenna li joħorġu fil-midja l-kummenti sħaħ ta’ Tony Zarb u li l-GWU tgħid il-pożizzjoni tagħha.

(Il-filmat ġie ppubblikat mill-Partit Nazzjonalista)