Il-GWU tħabbar li rnexxielha ssalva 40 impjieg man-NetEnt

Facebook

Read in English.

Il-General Workers’ Union (GWU) ħabbret li rnexxielha ssalva 40 impjieg mal-kumpanija NetEnt, wara li tkeċċew mat-300 impjegat mill-kumpanija meta din inxtrat minn Evolution Gaming. Apparti hekk, permezz tan-negozjati li wettqet, il-GWU akkwistat offerta aħjar għal dawk li tilfu xogħolhom.

Wara konsultazzjonijiet mal-GWU, Evolution Gaming Group aċċettat li fil-ġimgħat li ġejjin toffri impjieg alternattiv għal tal-inqas 40 ħaddiem. 60 impjegat ieħor huma mistennija li jingħataw xogħol minn kumpaniji oħra tal-gaming u fis-servizzi finanzjarji.

Dan seħħ wara li l-GWU talbet lill-Qorti toħroġ mandat ta’ inibizzjoni biex iżżomm lill-kumpanija milli tagħti s-sensji u ttemm l-impjiegi. Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba tal-unjin b’mod proviżorju.

Bil-ftehim milħuq, kull impjegat affettwat għandu jirċievi €750 aktar mal-pagament li jingħata mill-kumpanija. Benefiċċji oħra jinkludu protezzjoni aħjar għall-ħaddiema li fil-mument qegħdin fuq leave tal-maternità, u ż-żamma tal-pakkett ta’ benefiċċji tas-saħħa.

Il-GWU qalet li l-membri tagħha konċernati approvaw din l-offerta.

Għall-GWU fin-negozjati pparteċipaw Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali, Kevin Camilleri li hu d-Deputat Segretarju Ġenerali, u Riccarda Darmanin li hi s-Segretarja tat-Taqsima, bl-assistenza legali tal-Avukat Aron Mifsud Bonnici.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja qal, “Innegozjajna b’mod intensiv u b’determinazzjoni. Salvajna impjiegi sa fejn dan kien possibbli u rajna li dawk kollha li l-impjieg tagħhom se jintemm ikunu kumpensati kif suppost.” Huwa rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv ta’ Evolution, Martin Carlsund, u l-konsulent legali tal-kumpanija Paul Gonzi għall-kollaborazzjoni tagħhom biex intlaħaq ftehim.

B’hekk, il-GWU llum irtirat il-mandat ta’ inibizzjoni.