Il-GWU se tressaq proposti lill-Gvern dwar l-isfida tal-kirjiet

Il-General Workers’ Union (GWU) qalet li f’pajjiż fejn hawn tkabbir ekonomiku deskritt bħala “bla preċedent”, ma jistax ikun li jifdal nies li jiġu ddiskriminati f’xogħolhom minħabba l-qagħda prekarja tiegħu.
Ir-riferenza kienet qed issir għal ħaddiema li jaħdmu l-istess xogħol iżda jitħallsu inqas għax ma jkunux impjegati mal-istess sid tal-ħaddiema l-oħra li jaħdmu magħhom l-istess xogħol.
Dawn il-kummenti l-GWU għaddiethom jumejn qabel Jum il-Ħelsien, hekk kif is-Segretarju Ġenerali, Josef Bugeja, poġġa bukkett fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
Fl-istqarrija l-GWU qalet li l-preżenza tagħha hemmhekk tissimbolizza l-kburija u s-sodisfazzjoni tal-Unjin għal dak li wettqet fl-1979 meta kienet parti importanti biex jinkiseb il-ħelsien. Intqal ukoll li kienet qed issir tislima lil missirijietna tal-kisba tagħhom.
Bugeja sellem lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU f’dawk iż-żminijiet, Ġorġ Agius, li kien xegġel it-torċa tal-ħelsien li serviet biex iddawwal it-triq ’il quddiem.
Lura għall-prekarjat, il-GWU saħqet li l-liġi għandha tinbidel biex dir-realtà li teżisti f’kull post tax-xogħol tiġi indirizzata u l-ħaddiema kollha jibdew igawdu ħlas ugwali li jkun jinkludi liv, ħlas żejjed tax-xift, ħlas għall-Ħdud u festi pubbliċi u nazzjonali.
Il-GWU kkummentat li l-ħelsien ifisser ħelsien anki fil-ħsieb, u hawnhekk saħqu dwar it-tneħħija tal-preġudizzji minn fuq il-post tax-xogħol.
Hawnhekk semmew l-isfida tal-kirjiet. Il-GWU temmet tgħid li qiegħda tfassal għadd ta’ proposti li se jintbagħtu lill-Gvern biex tiġi indirizzata dil-problema, li l-Unjin qalet qed tolqot ħafna ħaddiema u l-familji tagħhom.