Il-GWU sserraħ ras il-membri tagħha fit-tliet sptarijiet li kienu tal-VGH

Il-General Workers’ Union serrħet ras il-membri tagħha fl-isptarijiet ta’ Mater Dei, Karin Grech u dak t’Għawdex li l-kundizzjonijiet maqbula fil-passat mal-VGH għadhom fis-seħħ.
Ilbieraħ ħareġ fil-midja li l-Vitals Global Healtcare inxtrat mill-kumpanija Amerikana Steward Health Care System.
Aktar tard il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ikkonferma dan, u qal li l-ftehim ġie ffirmat ilbiraħtlula fid-9.30pm u l-aħbar kellha tiġi kkomunikata lbieraħ filgħodu iżda laħqet ġiet żvelata.
Sadanittant, il-GWU qalet fi stqarrija li ltaqgħet mal-Ministru , li kkonfermalha li dak li seħħ kien biss trasferiment ta’ negozju fejn l-operat se jgħaddi mingħand il-VGH għal għand Steward Health Care System.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-kundizzjonijiet u l-garanziji tal-ħaddiema tagħha se jibqgħu tali kwali, u se jibqgħu osservati mill-operatir il-ġdid.