Il-GWU b’tilwima industrijali ma’ NetEnt wara li keċċiet il-ħaddiema

Facebook

Il-General Workers’ Union (GWU) iddikjarat tilwima industrijali ma’ NetEnt u Evolution Gaming Group wara li tkeċċew mijiet ta’ ħaddiema minn NetEnt wara li din il-kumpanija nxtrat minn Evolution Gaming.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ filgħaxija, il-GWU qalet li kellha tiddikjara din it-tilwima industrijali peress li l-kumpaniji tal-gaming ma wrew ebda rieda li jikkonsultawha, bħala rappreżentanta tal-ħaddiema, sabiex jiġu evitati sensji kollettivi fis-settur tal-igaming.

Il-GWU spjegat li l-kumpaniji huma rappurtati li qed jippjanaw li jkeċċu ‘l fuq minn 300 ħaddiem, u ma għamlu ebda sforz biex dawn is-sensji jkunu evitati. Skont il-GWU, il-kumpaniji qed jużaw tattiċi u prattiċi li jmorru kontra l-ħidma tat-trejd unjins.

L-unjin argumentat li l-kumpaniji naqsu milli jirrikonoxxu lill-GWU bħala rappreżentanta tal-ħaddiema għall-iskop ta’ sensji kollettivi skont ir-Regolamenti dwar Sensji Kollettivi (Ħarsien tal-Impiegi). Jidher illi l-kumpaniji rrifjutaw li jipprovdu lill-unjin dikjarazzjoni bil-miktub li tagħti l-informazzjoni relevanti kollha, li tinkludi r-raġunijiet għas-sensji, in-numru ta’ impjegati li beħsiebhom jagħtuhom is-sensja, in-numru ta’ impjegati li normalment jimpjegaw, il-kriterji proposti għall-għażla tal-impjegati li se jingħataw is-sensja, dettalji dwar xi kumpens dovut għat-tmiem ta’ kuntratt ta’ servizz li huma dovuti u l-perjodu li tulu s-sensji se jingħataw.

B’hekk, l-unjin qed tqis li NetEnt u Evolution Gaming qed jiksru b’mod sħiħ ir-Regolamenti dwar Sensji Kollettivi (Ħarsien tal-Impiegi), u r-Regolamenti dwar Ħarsien tal-Impiegi fit-Trasferiment ta’ Negozju.