Il-GWU b’tilwima industrijali ma’ Arriva minħabba l-ħlas tal-festi

Il-GWU qiegħda b’tilwima industrijali mal-kumpanija tat-trasport pubbliku Arriva, minħabba nuqqas ta’ qbil dwar ħlas ta’ festi pubbliċi.

Fil-jiem li għaddew Arriva infurmat lill-Unjin li mhux se tkompli tħallas għall-festi pubbliċi. Dan wara li rreferiet għall-Works Regulation Order tat-Trasport Pubbliku.
L-Unjin qed tgħid li l-pożizzjoni tal-Arriva mhix korretta u kien għalhekk li infurmatha bit-tilwima industrijali.

Nhar l-Erbgħa li ġej il-GWU u Arriva se jiltaqgħu biex forsi jsibu kompromess biex il-ħlas imur lura bħal ma kien qabel il-festa pubblika tad-19 ta’ Marzu 2013. Jekk dan ma jintlaħaqx, hija lesta tieħu azzjonijiet industrijali.