Il-GWU b’libell ieħor lill-media Nazzjonalista

Is-segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb, preżenta żewġ kawżi ta’ libell, fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Samuel Grech.

Dan wara li l-media nazzjonalista xandret intervista ma’ Samuel Grech, president ta’ unjin żgħira bl-iskop li tirrappreżenta l-ħaddiema tal-Arriva.

F’din l-intervista kien allegat li l-GWU għamlet ftehim kollettiv mal-Arriva li taħtu l-ħaddiema jaħdmu bil-prekarjat u li dawn il-ħaddiema ma jieħdux iż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja.

Fi stqarrija, l-unjin ċaħdet dan u qalet li Samuel Grech għamel bosta allegazzjonijiet malafamanti bl-iskop li jipprova joskura lill-uffiċċjali tagħha.

L-istqarrija ttemm tgħid li kien għalhekk li preżentat iż-żewġ kawżi ta’ libelli biex titlob il-Qorti tikkundannahom iħallsu d-danni għal malafama.