Aktar kundanni wara li ġurnalist u fotografu sfaw aggrediti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna l-aggressjoni fuq il-ġurnalist u l-fotografu tal-midja tal-General Workers’ Union.
Dan wara li l-ġurnalist u l-fotografu kienu qed iwettqu xogħolhom f’Buġibba.
Huwa appella lill-awtoritaijiet konċernati biex jieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-liġi.
Aktar kmieni l-GWU wkoll ikkundannat dan l-attakk.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li huwa ta’ għajb li f’Malta fadal persuni li jipprovaw jirbħu l-argument billi jirrikorru għall-vjolenza fiżika u jippruvaw jintimidaw lil dawk li ma jaqblux magħhom.
Saħqet li l-ġurnalist u l-fotografu tal-Union Print kienu qed iwettqu ħidma fil-libertà kollha kif mgħotija mil-Liġi li tħares u tippromwovi l-libertà tal-istampa.
Hija wriet is-solidarjetà mal-ġurnalist u fotografu tagħha u talbet lill-Pulizija biex jieħdu l-passi kollha kif permessi mil-liġi kontra dawk li kienu responsabbli minn din l-aggressjoni.
Id-direzzjoni ta' Newsbook.com.mt turi solidarjetà mal-membri tal-midja tal-GWU li sfaw aggrediti.