Il-gwerra mdemmija kontra d-droga hi kkundannabbli

L-Isqfijiet fil-Filippini stqarrew li dak li hu ħażin ma jissewwiex b’xi ħaġa ħażina oħra. Skop ġenwin mhuwiex ġustifikazzjoni biex jintużaw metodi ħżiena. Tajjeb li l-pajjiż jeħles mill-qirda tad-droga iżda hu ħażin li biex tilħaq dan l-iskop, toqtol.
L-Isqfijiet sostew li dak li qed jiġri fil-pajjiż, fejn uffiċjali tal-armata u l-pulizija qed joqtlu nies bla ma jkunu pproċessati għax ikollhom id-droga fil-pusses tagħhom, jammonta għal “tindif soċjali” u hu kkundannabbli.
Waqt konferenza dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Filippini li saret il-ġimgħa li għaddiet, żewġ uffiċjali ta’ Amnesty International u Human Rights Watch tkellmu dwar qtil indiskriminat li qed iwettqu l-Pulizija fis-suppost ġlieda tal-President Duterte kontra d-droga.
Ħafna drabi l-vittmi huma nies foqra. Kapijiet ta’ familji fqar jista’ jkun li qed iġorru d-droga għal ħaddieħor biex jaqilgħu ftit flus għall-familja.
Oħrajn jużaw xi anfetamini biex jibqgħu mqajma u jkollhom xi ftit enerġija għal ġurnata twila ta’ xogħol. Jekk jinqabdu dawn jinqatlu u l-familji tagħhom jintefgħu f’aktar faqar u miżerja barra li jsibu lill-Pulizija jisirqulhom il-ftit affarijiet li jkollhom waqt li suppost qed jinvestigaw dwar id-droga.
Il-President Duterte kien wiegħed li jekk ikun elett jagħmel gwerra kontra d-droga. “Insew il-liġijiet dwar id-drittijiet umani. Jekk insir President tal-pajjiż nagħmel l-istess affarijiet li kont nagħmel meta kont Sindku. Intom li tmexxu d-droga, iżżommu n-nies u ma tagħmlu xejn aktar, aħjar titilqu mill-pajjiż għax noqtolkom u nwaddabkom il-baħar f’Manila biex il-ħut jieklu minn fuqkom” kien wissa.
Hu sar Presidet tal-Filippini f’Mejju 2016 u dan it-theddid għamlu realtà. Minn Lulju 2016 sa Jannar 2017 – f’sitt xhur – aktar minn 7,000 persuna nqatlu fil-gwerra kontra d-droga, skont ċifri maħruġa mill-Pulizija.