Il-gwerer u l-LGBTIQ+ jintisġu fl-argumenti tal-PD u l-AD f’Jum il-Mara

Iż-żewġ partiti politiċi ż-żgħar f’Malta qablu li n-nisa f’Malta tħallew lura, u li fil-Jum Internazzjonali għall-Mara wieħed għandu jiftakar mhux biss f’dawk in-nisa li għamlu isem, imma l-aktar f’dawk bla isem li qed isofru l-inġustizzji.
“In-nuqqas ta’ rispett lejn il-mara hu l-kawża tad-dmija mxerrda fil-gwerer” – PD
Il-Partit Demokratiku qal fi stqarrija li n-nuqqs ta’ rispett lejn il-mara hu wieħed mill-kawżi li pproduċew dinja mimlija gwerer imdemmija, korruzzjoni politika, soċjali u personali, ħsara lill-ambjent, faqar u l-istat degradanti tas-saħħa dinjija.
Dwar il-qagħda lokali, semma n-nuqqas ta’ rappreżentanza parlamentari tan-nisa, il-vjolenza fiżika u verbali lejn in-nisa, id-disparità fil-paga, u n-normalizzazzjoni tal-pornografija, il-massage parlours u l-gentleman’s clubs.
Jgħaddi biex jelenka għadd ta’ qtil ta’ nisa tul is-snin f’Malta, ewlieni fosthom dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
“Imxejna fid-drittijiet tal-LGBTIQ+, u ħallejna lill-mara” – AD
Min-naħa tagħha, l-Alternattiva Demokratika qalet li saru passi kbar fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-komunità LGBT, iżda n-nisa f'Malta tħallew lura.
Semmiet każijiet ta’ vjolenza domestika, iżda enfasizzat li dan m’għandux ikun l-uniku suġġett li jiġi diskuss.
“In-nisa huma soġġetti għal vjolenza psikoloġika pubblikament fil-midja, fl-artikli u f'kummenti li ħadd ma jazzarda, u bir-raġun, jagħmel fil-konfront ta' gruppi oħra bħal persuni LGBTQ jew persuni b'diżabilità”, argumenta l-partit politiku.
Ma’ dawn l-isfidi l-AD semmiet id-diskrepanza fil-pagi, u r-rappreżentanza parlamentari.