Il-gwerer ma jsolvu xejn

Il-Papa jkellem lill-ġurnalisti fuq l-ajruplan lura lejn Ruma mill-Afrika

Kif saret drawwa, meta l-Papa jkun qed jirritorna lejn Ruma minn xi vjaġġ apostoliku jsib il-ħin li jitkellem u jwieġeb mistoqsijiet mill-ġurnalisti li jkunu akkumpanjawh tul il-vjaġġ. L-istess ġara fir-ritorn lejn il-Vatikan mill-vjaġġ fil-Mozambique, il-Madagascar u l-Mauritius, fejn wieġeb domandi dwar il-paċi, ix-xenofobia, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, id-diffikultajiet li għaddejja minnhom il-Knisja u l-ħsara lil-ambjent, fost oħrajn.

Ġurnalista mill-Mozambique staqsa lill-Papa Franġisku x’jaħseb mill-proċess ta’ paċi f’pajjiżu wara l-laqgħat li kellu mal-Prsident u ma’ awtoritajiet ċivili oħra.

Il-Papa wieġeb li l-proċess ta’ paċi hu wieħed twil li f’dan il-każ tal-Mozambique kellu l-mumenti pożittivi u oħrajn negattivi iżda fl-aħħar spiċċa b’tgħannieqa storika li tagħti stampa tal-Mozambique illum.

Bil-gwerer jintilef kollox

“Nittama li dan il-proċess ikompli u nitlob biex hekk ikun. Nistieden lil kulħadd biex jagħmel sforz biex jassigura li dan il-proċess ta’ paċi jkompli miexi ‘l quddiem – għax kif qal Papa ieħor qabli: bil-gwerra jintilef kollox u bil-paċi jintrebaħ kollox. Dan kien qalu Papa Piju XII. Dan hu ovvju u m’għandniex ninsewh. Dan hu process ta’ paċi twil li kien interrott imbagħad kompla.

“L-isforz li għamlu l-mexxejja tal-partiti tal-oppożizzjoni kien li jersqu lejn l-oħrajn. Kien sforz perikoluż u kien hemm min irriskja ħajtu, imma fl-aħħar, kien hemm konklużjoni. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom għal dan il-proċess ta’ paċi.

“Kien hemm ħafna nies involuti, fosthom qassis mill-Komunità ta’San Egidio, l-Arċisqof Matteo Zuppi ta’ Bologna li fil-5 tax-xahar id-dieħel se jsir Kardinal. Bl-għajnuna ta’ ħafna nies, fosthom il-Komunità ta’ San Egidio stess, ir-riżultat inkiseb.

Il-paċi hi trijonf

“Iżda ma rridux inkunu trijunfalisti f’dawn l-oqsma. It-tijonf ikun meta niksbu l-paċi dejjiema. M’għandniex dritt inkunu trijunfalisti għax il-paċi fil-Mozambique għadha fraġli, kif inhi fraġli f’kull parti tad-dinja.  Din irridu nittrattawha bħal affarijiet ġodda oħra, bħat-tfal, b’ħafna mħabba, delikatezza, maħfra u paċenzja biex tikber u tissaħħaħ.

“Il-paċi tkun ir-rebħa tal-pajjiż. Dan irridu nifhmuh u jgħodd għal kull pajjiż li qed jitfarrak bil-gwerer”.

“Il-gwerra teqred, ittellifna kollox. Qed nitkellem fit-tul għax it-tema tal-paċi hi għal qalbi ħafna. Veru li ftit xhur ilu, meta ċċelebrajna l-inżul fin-Normandija, kien hemm kapijiet ta’ stati biex jiftakru x’kien il-bidu tat-tmiem ta’ gwerra kiefra u ta dittatorjati inumani u kattivi bħalma kienu n-Nazizmu u l-Faxxiżmu.  Fuq ix-xatt tar-Normandija mietu 46,000 suldat. Dak hu l-prezz tal-gwerra.

Papa Franġisku żied: “Nistqarr li meta mort Redipuglia biex nikkomemoraw l-Ewwel Gwerra Dinjija, infexx ngħajjat “Qatt aktar gwerer!”. Meta mort Anzio biex niċċelebra Jum l-Erwieħ Kollha, f’qalbi ħassejt li hemm bżonn noħolqu kuxjenza: il-gwerrer ma jsolvu xejn anzi jagħmlu lil dawk li ma jridux il-paċi għall-umanità, aktar sinjuri” ikkonkluda l-Papa dwar it-tema tal-paċi.