Il-Gwardjani tal-Kosta Libjana isalvaw 1000 immigrant

Il-gwardjani tal-kosta Libjana wettqu 3 operazzjonijiet li salvaw 948 immigrant u rkupraw 10 l’barra mill-kosta tal-Libja nhar il-Ħadd li għadda.

Il-Kmandant tal-bastiment tal-Gwardja Kostali Libjana Rami Ghameed qal li “kien hemm total ta’ sitt dgħajjes tal-gomma, tnejn kienu salvati minn settur ċentrali tal-gwardja tal-kosta tal-Libja. Il-bastiment ta’ Ras Ajdir salva tliet dgħajjes u l-bastiment Sabratha salva dgħajsa waħda. Il-bastiment Sabratha jinsab fi triqtu lejn il-bażi navali ta’ Tripli.

In-numru ta’ dawk salvati fuq id-dgħajjes miġbuda mis-settur ċentrali kien ta’ madwar 361 persuna, filwaqt li Ras Ajdir, salva madwar 490 ruħ”.

Il-Kmandant Rami Ghameed

Il-kosta tal-punent tal-Libja hija l-punt tat-tluq ewlieni għal eluf ta’ immigranti li qed jipprovaw jaslu l-Italja biex jaħarbu mill-gwerra u l-faqar.  Mexxejja Ewropej sejħu taħdidiet t’emerġenza nhar il-Ħadd iżda naqsu milli jaqblu dwar soluzzjoni għall-kriżi tal-immigrazzjoni.

Il-mexxejja se jiltaqgħu mill-ġdid waqt summit tal-UE fit-28-29 ta’ Ġunju u mistenni japprovaw aktar issikkar tal-fruntieri esterni Ewropej.